Alliterazzjoni: ir-ripetizzjoni tal-istess ittra,
fl-istess vers.
Eż. “jew b’sebgħek
tinbex xi bebbux fil-bejta”, Żagħżugħ ta’ Dejjem, pġ. 22.
Anadiplosi: ir-ripetizzjoni
ta’ kelma, jew frażi, li tkun fl-aħħar tal-versi u fil-bidu tal-vers li jmiss.
Eż. “U Freddie l-buli,
Buli aktar ma baqax!”, Geraldine,
pġ. 26
Anafora: ir-ripetizzjoni ta’ kelma jew iżjed
fil-bidu ta’ versi taħt xulxin.
Eż. “ta’ ferħ,
ta’ tgawdija,
ta’ dawl u ta’ dija”, Niftakar,
pġ. 7
Antiteżi: it-tqegħid
flimkien ta’ żewġ kunċetti li jfissru l-maqlub ta’ xulxin u li għalhekk joħolqu
kuntrast bejniethom.
Eż. “Il-bankijiet
kienu jistennew minn waqt għall-ieħor li xi ħadd iħenn għalihom u jaħraqhom”,
Bank, pġ. 59
Apostrofi: indirizz poetiku.
Eż.
“ja baħar”, Żagħżugħ ta’ dejjem, pġ. 22
Asindeto: il-qtugħ ta’ konġunzjoni
bejn għadd ta’ kliem wara xulxin.
Eż.
“Imxi metru, ibni villa”, Aqta’ Fjura u Ibni Kamra, pġ. 20
Binja
L-istrofa: stanza minn poeżija.
Distiku
Terzina
Kwartina…
Il-versi: ara Metru
Ir-rima: qbil fil-versi.
Alternata (a-b-a-b)
Ħielsa (bla skema)
Imbewsa (a-a-b-b)
Interna/ġewwiena (rima fl-istess vers)
Imqabbża (a-b-ċ-b)
Ċesura: waqfa
li tinħass fil-vers minħabba r-ritmu naturali tal-lingwa, mhux minħabba
l-metrika.
Eż. “Anke l-baħar agħmel tiegħek”,
Aqta’ Fjura u Ibni Kamra, pġ. 20
Eliżjoni: il-qtugħ
ta’ vokali fl-aħħar tal-kelma quddiem vokali
jew għ jew h tal-kelma ta’ warajha.
Eż. “darb’oħra”, B’Idejna, pġ. 19
Enjambment: it-tkomplija
ta’ vers fil-vers ta’ warajh mingħajr ebda waqfa bejn il-vers u ta warajh.
Eż. “Minn xebba u għarusa
F’jum wieħed dil-mara
Ittejjeġ u tormol”, Katrin
tal-Imdina, pġ.36
Epiżewksi: ir-ripetizzjoni ta’ kelma jew
aktar wara xulxin, għall-enfasi.
Eż.
“ftit, ftit”, Niftakar, pġ. 2
Ewfemiżmu: mod ta’ taħdit
jew kitba li biha titnaqqas il-kruha ta’ ħaġa, iżda xorta jinftiehem kollox.
Eż. “…dak jiġi
mneħħi mid-dinja”, Ix-Xini Jimxi
fl-Art, pġ. 45
Iperbole: esaġerazzjoni magħmula
apposta biex tenfasizza xi ħaġa.
Eż.
“Kollox nafu dwar ir-riħ!”, Fejn Jorqod ir-Riħ, pġ. 21
Ironija: Il-ħabi tat-tifsira
vera f’taħdit li qed jgħid il-kontra.
Eż.
“Imxi metru, ibni villa”, Aqta’ Fjura u Ibni Kamra, pġ. 20
Metafora: kliem
jew frażi mqabbla m’affarijiet li ma jkollhomx x’jaqsmu f’sens litterali; paragun
moħbi.
Eż. “Fejn huma l-għeruq?”, Quo Vadis?, pġ. 6
Mistoqsija
rettorika: mistoqsija
effettiva li għaliha l-kittieb ma jkun qiegħed jistenna l-ebda tweġiba.
Eż. “X’inhi l-kelma
qed tirtogħod
Hemm fuq ix-xefaq ta’ dan il-jum?”, Jum San Valentin, pġ. 18
Onomatopea: kelma li turi l-ħoss li trid
tfisser.
Eż.
“seksieka”, Il-Koranta, pġ. 37
Paradoss: stqarrija li tmur kontra
stqarrija oħra.
Eż.
“nemmen u niċħad”, Jien, pġ. 17
Paralleliżmu: il-bini
ta’ versi jew sentenzi, bl-użu tar-repetizzjoni, b’mod li kull parti tingħata
l-istess importanza permezz ta’ xebh jew kuntrasti.
Eż. “Hemm passaġġi”, Passaġġi,
pġ. 5
Personifikazzjoni: meta kittieb jew poeta jagħti kwalità umana lil xi ħaġa li mhix
bniedem.
Eż. “Spalliera li waħedha baqgħet
tistenna…”, B’Idejna, pġ. 19
Polisindeto: it-tirbit tal-partijiet ta’
frażi b’użu tal-konġunzjoni mtennija.
Eż. “u l-għafsa ta’
idek ma’ driegħi,
u l-ħeġġa ta’ wiċċek ħamrani,
u l-mantar bajdani”, Niftakar,
pġ. 7
Sarkażmu: diskors
ironiku li mad-daqqa t’għajn jidher li qed ifaħħar iżda fil-verità jkun qed
jikkritika u jniġġeż.
Eż. “Aqta’ fjura u
ibni kamra;
Aqta’ siġra u tella’ dar;
Imxi metru, ibni villa;
Tinkwetax…dak li sar sar”, Aqta’
Fjura u Ibni Kamra, pġ. 20
Similitudni: tixbih
jew paragun bejn żewġ affarijiet bl-użu ta’ kliem bħal: qisu, donnu jixbah,
bħal, tistħajlu.
Eż. “qisha ballun”, Jum San Valentin, pġ. 18
Sineddoke: issemmi parti minn ħaġa u
tinftiehem il-ħaġa sħiħa.
Eż. “poplu
qed jistenna wara l-bieb ta’ uffiċċju pubbliku”, B’Idejna, pġ. 19
Ton: il-burdata
tal-poeta espressa mill-kliem li juża u mill-mod kif jibni l-kitba tiegħu.
Eż. Ton traġiku: “aħbat, idrob,
infed, oqtol…” Katrin tal-Imdina
Metru:
Vers ħieles: vers ta’ tul differenti mill-bqija.
Versi mħallta: versi regolari mħalltin flimkien.
Vers regolari: versi li jżommu dejjem l-istess
numru ta’ sillabi, eż.
Binarju: vers b'żewġ sillabi
Ternarju: vers bi tliet sillabi
Kwaternarju: vers b'erba' sillabi
Kwinarju: vers b'ħames sillabi
Senarju: vers b'sitt sillabi
Settenarju: vers b'seba' sillabi
Ottonarju: vers bi tmien sillabi
Novenarju: vers b'disa' sillabi
Dekasillabu: vers b'għaxar sillabi
Endekasillabu: vers bi ħdax-il sillaba
Thanks, very helpful.
ReplyDeleteqed insibha difficli biex insib metafora fil-poezija L-Ghasfur ta Ninu Cremona
ReplyDeletegrazzi ħafna sibta vera ta ghajnuna
ReplyDeleteafaresi tifsira pls
ReplyDeleteX'jejdula lil Min ikun qed jidirizza l poeta
ReplyDeleteMeta l-poeta jkun qed jindirizza xi ħadd (eż. il-qarrej), dik tissejaħ Apostrofti. :)
Delete*Apostrofi, skużani
Deletesibthom ta ghajnuna grazzi.
ReplyDelete