31/01/2013

Kif nikteb...Komponiment Letterarju


L-ewwel pass:
Importanti li qabel ma tibda tikteb, tara x’poeżiji u siltiet għamilt s’issa.

It-tieni pass:
Ftakar x’jgħidu s-siltiet u ara għandhomx rabta mat-titlu.

It-tielet pass:

Bħal kull komponiment, il-komponiment letterarju jrid ikollu:

1.Id-daħla (l-introduzzjoni)
2.Il-qafas (l-iżvilupp)
3.L-għeluq (il-konklużjoni)

Ara l-eżempju:

********** **********

It-titlu:

Fl-antoloġija Bejn Ħaltejn naraw illi l-kittieba jiktbu dwar figura femminili f’ħafna mill-kitbiet.
Ikkummenta.

Liema poeżiji u siltiet, milli għamilt s'issa, jitkellmu l-aktar dwar figura femminili?

Poeżiji:


Refuġjata: Iva
Lill-Qamar Kwinta: Le
Passaġġi: Le
Quo Vadis?: Le
Niftakar: Iva


Siltiet:


Aqrali xi Ħaġa Ġdida, Qaltilha: Iva
Il-Koranta: Iva
Ittri lil Marta: Iva
Ix-Xini Jimxi fl-Art: Le
Jacqueline: Iva


*****

  Fl-antoloġija ‘Bejn Ħaltejn’ naraw illi xi kittieba jużaw il-figura femminili fil-kitbiet tagħhom. Xogħlijiet bħal ‘Refuġjata’ u ‘Jacqueline’, fost oħrajn, jixhdu dan.


  Fil-poeżija ‘Refuġjata’, Mario Azzopardi juża l-figura femminili li ħarbet mill-pajjiż għax qatlulha lil uliedha, ħadulha lil żewġha u spiċċat bla dar.  Il-poeżija turi refuġjata li spiċċat bla tama li se terġa’ tara lil uliedha iżda fl-istess waqt tixtieq u tittama għal futur aħjar. ‘Niftakar’ hija poeżija awtobijografika, li fiha Anton Buttigieg jikteb dwar iż-żwieġ ma’ martu, l-istess mara li aktar tard tmur tiltaqa’ mal-Mulej.  Il-mara, għall-poeta, kienet figura importanti. Tant hu hekk li meta tmut hi, “il-Baħħ” biss joħdilha postha.


  Claire Azzopardi, f’ ‘Aqrali xi ħaġa ġdida, qaltilha’, tuża l-karattri femminili sabiex turi l-inugwaljanza bejn is-sessi fl-imgħoddi.  Fis-silta niltaqgħu ma’ familja li taħdem ġo stamperija. Filwaqt li l-missier qatt ma ried jippubblika xogħlijiet in-nisa, martu, sadattant, kienet tagħmilhom bil-moħbi tiegħu. F’ ‘Il-Koranta’ niltaqgħu m’Anjeżi, mara ta’ erbgħin sena li dejjem titlob lil San Ġużepp sabiex ilaqqagħha ma’ raġel. Tul in-novella, Oliver Friggieri jurina minn liema tbatija għaddiet din il-mara minħabba nuqqas ta’ rispett minn ta’ madwarha.


  Marta, fis-silta ‘Ittri lil Marta’, hija mara li bdiet tirċievi ittri mhux iffirmati mingħand żagħżugħ, li kien jiddeskrivilha lilu nnifsu u l-gosti tiegħu. Hija tfajla normali ħafna, li kellha emozzjonijiet u li fl-aħħar batiet għax persuna oħra lagħbet mas-sentimenti tagħha. ‘Jacqueline’ hija silta ħelwa, li fiha Pierre Mejlak jinqeda bil-karattru tal-mara tul is-silta kollha.  Hawnhekk naraw lil Jacqueline, mara kuraġġuża, li qalb ħafna ħars u xi tbissima ’l hawn u ’l hinn, marret tistaqsi hija stess lil Mario, raġel mistħi ħafna, biex imorru jieħdu pizza flimkien.


  Kif rajna f’dawn is-sitt kitbiet, l-awturi għandhom ħabta jużaw il-figura tal-mara. Jista’ jkun li dan jagħmluh biex iżewqu l-kitba tagħhom u jagħmluha aktar interessanti peress li, normalment, in-nisa joħorġu aktar emozzjonijiet, inkella biex, bħal Anton Buttigieg, jiftakru f’dik il-mara li tant ħabbew.




No comments:

Post a Comment