Minn Luke Cassar - 4.2 - Sena Skolastika 2011/2012
Xi sentejn ilu, waqt li kont qiegħed ix-xogħol, smajt, mingħand xi ħaddiema, li bastiment li kien qiegħed iġorr ammonti kbar ta’ ikel u xorb għeb minħabba li tbiddlet id-direzzjoni tiegħu.
Kulħadd baqa’ ssummat b’din il-ġrajja u kulħadd kien ħerqan biex jara kif ħa tiżvolġi l-biċċa tax-xogħol. Id-diskussjoni waqt il-brejk ma waqfitx u kulħadd qala’ l-qlajjiet tiegħu dwar x’seta’ nqala’, jew aħjar dwar x’kien se jiġri. Dik il-ġurnata, l-20 ta’ Mejju 2010, kienet waħda li fiha l-kumpanija li kont naħdem fiha tilfet ammont sostanzjali ta’ flus. Dan kollu ġara minħabba l-ġrajja tal-bastiment Kolombjan. Il-ħin tat-tluq mix-xogħol wasal u għalhekk kulħadd telaq għal rasu biex jinġabar flimkien ma’ familtu u jqatta’ l-kumplament tal-ġurnata magħha.
Għall-ħabta tal-ħamsa wasalt lura d-dar fejn hemm sibt lill-mara u lit-tfal jistennewni għall-ikla. Wara l-ikla rqadt nofs siegħa. Is-sitta kienu għadhom kemm skorrew meta sejjaħt lil marti u nfurmajtha li kont sejjer sal-każin. Dak iż-żmien l-aħbarijiet kienu jkunu fis-sitta u nofs u fit-tmienja. Ma tantx kont ilni li wasalt meta ndunajt li l-aħbarijiet kienu diġà bdew. Kont ħerqan biex nisma’ l-aħbarijiet u għalhekk, x’ħin semmew il-bastiment Kolombjan mal-ewwel ftaħt widnejja beraħ, u bdejt nisma’.
“Bastiment Kolombjan, li kmieni wara nofsinhar instab lejn l-Ewropa, kien għaddej minn rotta żbaljata wara li ġie maħkum minn maltemp qalil u riħ qawwi.”
Kulħadd beda jistagħġeb b’din l-aħbar. Jien kont pront okkupajt il-kompjuter li kien jinsab taħt it-taraġ tal-każin u bdejt nagħmel ir-riċerka tiegħi. Ksibt ħafna informazzjoni dwar dan il-bastiment, fosthom l-isem, u sibt ukoll li kien qiegħed iħabbat wiċċu ma’ maltemp aħrax. Il-bastiment SRE 650, mill-oċean Paċifiku spiċċa fil-baħar Mediterran!
L-aħbarijiet tat-tmienja kienu waslu biex jibdew u għalhekk inġbart ma’ sħabi biex insewguhom. L-ewwel aħbar, peress li kienet l-aktar waħda importanti, kienet dwar il-bastiment u għalhekk sikkitt lil sħabi u bdejt nisma’. Xi tagħrif li kisbu kien li dan il-bastiment wasal f’oċean ferm ’il bogħod minħabba l-fatt li ġie misruq mill-pirati. Dawn ħadu r-riedni f’idejhom u sewwa jgħidu “tidħolx bejn il-basla u qoxritha għax tibqa’ b’riħitha”! Minħabba li ma kinux jafu jsuqu vapur, dawn spiċċaw biex biddlu d-direzzjonijiet kollha.
Pulizija apposta qabdu l-vapuri tagħhom u marru ħdejn il-bastiment biex isalvaw lil min kien fuqu mingħajr ħtija. Ma damux ma waslu fuq il-post u dritt qabżu ġo fih biex jinvestigaw is-sitwazzjoni. Sal-għada filgħodu l-aħbar kienet fuq il-gazzetti kollha, fl-ewwel paġna. Kulħadd baqa’ miblugħ meta sema’ li ġlieda fuq il-bastiment Kolombjan ħalliet lill-pulizija kollha mejta. Intqal li dan il-bastiment wasal lejn l-Indi fejn hemm in-nies kollha ta’ fuqu ġew mibjugħin bħala priġunieri.
Il-bastiment instab l-għada stess viċin l-oċean Indjan, iżda l-pirati baqgħu ma nstabu qatt. In-nies li kienu jinsabu fuqu ġew meħlusin xi xahar wara, meta numru ta’ pulizija ssograw ħajjithom u pprovaw isalvawhom, u l-pjan irnexxa.
No comments:
Post a Comment