22/05/2013

Bejn Ħaltejn - Noti tal-poeżiji tal-Form 4


Noti meħudin minn Suċċessinu 2, b'adattament ta' xi biċċiet.

Refuġjata

Refuġjata hija persuna maħruba minn pajjiżha li ssib kenn f’pajjiż ieħor. Din il-poeżija tittratta fuq ix-xewqat ta’ mara refuġjata għal ħajja aħjar.  Wara kollox, min ma jixtiqx li jkollu ħajtu mimlija hena u kuntentizza, mingħajr inkwiet?  Din “il-mara tat-tined” (ir-refuġjata) tiftakar fl-imwiet ta’ wliedha “jgħajtu f’rasha”.  Tiftakar ukoll fl-interrogatorji, it-terturi, il-massakri (“toqba f’ras il-mejtin”) ġewwa Jenin, Hebron u Kafir, li huma territorji tal-Palestina, u li qed isiru minħabba l-kwistjoni ta’ dawn il-postijiet fil-Lvant Nofsani. Minkejja dan id-disprament, id-dulur u diqa li jridu ħafna żmien biex jittaffew, il-mara refuġjata tiftakar fil-maħbub tagħha Samir, u turi t-tama li għad jaslu żminijiet aħjar (“eklissati”) ta’ “siġar taż-żebbuġ u ważi” biex tkun tista’ tħobbu bil-kwiet. Din il-poeżija moderna hija deskrittiva, riflessiva u espożitorja (turi minn xiex jgħaddu n-nies).  Il-poeta qed jipprova jqajjem kuxjenza fuq il-problemi li jaffaċċjaw ir-refuġjati, speċjalment minħabba inkwiet f’arthom.  Permezz tal-kliem “torturi”, “massakri”, “dulur”, nindunaw li huma sitwazzjonijiet xejn sbieħ, pjuttost iddisprati, u għalhekk nistgħu ngħidu li t-ton huwa wieħed ta’ diqa.  Fl-istess ħin, permezz tal-kliem “toħlom”, “tittama”, “tħobb”, naraw li ħafna refuġjati ħa jsibu futur aħjar f’pajjiżi oħra kbar u b’saħħithom.

Lill-Qamar Kwinta

Il-poetessa qiegħda tindirizza lill-qamar u tiddjaloga miegħu.  Hija tgħidlu li taf li hu fqajjar, l-ewwel nett għax fuqu m’hemmx ħajja u t-tieni nett għax id-dawl tal-qamar huwa kollu riflessjoni tax-xemx, li hija “ħlieqa aktar setgħana”.  Issa li l-poetessa taf il-verità kollha fuq il-qamar u ma baqgħalha “l-ebda illużjoni”, tistqarr li m’għadux isaħħarha bħal darba u għalhekk m’għadux iħuf “fid-dawl tal-fantasija” tagħha. Minkejja dan, kull meta tarah “qamar kwinta isebbaħ is-smewwiet f’lejla sajfija”, tinsa’ l-kritika li għamlitlu qabel (li hu fqajjar) u terġa’ tissaħħar.  F’dan il-mument, il-poetessa tiġiha l-ispirazzjoni biex tikteb il-poeżija: “u terġa’ qalbi tfur bil-poeżija”. Din hija poeżija sempliċi u qasira. Miktuba fuq stil deskrittiv u riflessiv, Rena Balzan qed tiddeskrivi lill-qamar u fl-istess ħin tirrifletti fuq kif minnu tieħu l-ispirazzjoni tagħha.  It-tul tal-versi kif ukoll l-użu tal-punteġġjatura u n-nuqqas ta’ rima jagħmlu r-ritrmu aktar bil-mod.  B’hekk nidħlu aktar fix-xenarju kalm u kwiet li s-soltu tkun fih il-poetessa meta tara l-qamar.


Passaġġi


Il-poeta qed jikkummenta u jirrifletti fuq il-passaġġi tal-ħajja.  Il-passaġġi, f’din il-poeżija, huma simboliżmu għal dawk it-triqat li kull bniedem ikollu jaqbad f’ħajtu. Kif jistqarr tajjeb il-poeta, minn twelidna nibdew insegwu t-triq tad-destin tagħna.  Kultant jissorprendina għax jitfaċċa xi passaġġ “bla ma taf kif”, kultant ikiddna għax niltaqgħu mat-taħbit u “toħroġ minnhom kollok grif”, kultant nistinkaw u nilħqu l-għanijiet bl-aktar mod fiduċjuż, iżda drabi oħra noħorġu wkoll “diżilluż[i]”.  Il-poeta jispiċċa billi jgħidilna illi minkejja li hemm triqat li f’ħajjitna jingħalqu, hemm triqat oħrajn li jwassluna biex nemmnu f’Alla li ma jingħalaq qatt għax huwa “infinit”.
 Din il-poeżija hija simbolika għax il-poeta juża l-kelma “passaġġi” biex jissimbolizza t-triqat ta’ ħajjitna, u allura dak kollu li ngħaddu minnu.  Il-poeżija hija wkoll riflessiva għax Borg iridna nirriflettu fuq il-passaġġi ta’ ħajjitna wkoll.  Fl-aħħar, il-poeta jġibna konxji li fl-aħħar mill-aħħar ħajjitna tiddependi kollha minn Alla l-infinit.

Quo Vadis?

Bit-titlu li jfisser “Fejn sejjer?”, il-poeta, li huwa ssimbolizzat mix-“xwejħa ħarruba”, iħoss solitudni kbira għax huwa maqtugħ mill-kumplament tan-nies: “imbiegħda mill-bqija ta’ ħutha”.  Fl-istess ħin jirrifletti fuq il-ħajja tal-bniedem, li kif jaraha hu, hija ħajja mgħaġġla mimlija materjaliżmu u konsumiżmu (flus u xiri). Waqt li l-poeta qiegħed fil-għoli, qiegħed f’pożizzjoni fejn jista’ jara l-bqija tas-soċjetà.  L-ewwel li jara u jinnota hija l-ħajja mgħaġġla ta’ dawn in-nies, li lanqas l-elementi tan-natura, bħax-xemx u r-riħ, ma jwaqqfuhom. U allura, jekk dejjem mgħaġġlin, il-valuri (l-iskopijiet tajbin tal-ħajja ssimbolizzati mill-“għeruq”) tagħhom fejn qegħdin? Briffa jara lilu nnifsu bħal ħarruba u lin-nies jarahom fil-wied.  Qed iqis lilu nnifsu superjuri (aħjar) għall-oħrajn għax ma tilifx il-valuri tal-ħajja bħalma għamlet is-soċjetà.  Il-metafora “qatt lilhom ma qlajjem is-sħana tax-xemx?” tfisser ‘allura ħadd m’hemm li jwaqqafhom minn din l-għaġla kollha?’  Il-poeta jinqeda b’numru ta’ mistoqsijiet rettoriċi biex b’hekk aħna wkoll nieqfu ftit mill-għaġla u nirriflettu fuq l-istil u l-valuri ta’ ħajjitna.


Niftakar


Din l-eleġija awtobijografika hija maqsuma f’żewġ partijiet: Anton Buttigieg jiftaħ il-poeżija fuq nota ferriħija fejn jispjegalna l-mumenti sbieħ li għadda ma’ martu dakinhar tat-tieġ u fil-ħajja li għex magħha (ton pożittiv).  Hawnhekk Buttigieg jagħtina deskrizzjoni tat-tieġ tagħhom mill-bidu taċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ sakemm il-mistednin telqu lejn djarhom.  Il-ħajja ta’ wara ż-żwieġ kienet waħda mill-isbaħ mimlija hena, ferħ, tgawdija, dija, ġid u sliem. Fit-tieni biċċa l-folja tinqaleb għaliex il-poeta jagħtina rakkont tal-jum li mietet martu (ton negattiv).  Huwa jispjega s-sentimenti u l-emozzjonijiet li ħass dak il-jum u kif spiċċa l-poeżija jurina s-solitudni li ħass meta mietet martu:“jien u l-Baħħ, il-Baħħ u jien, jien nibki l-Baħħ jibki, ħdejn sodda ta’ tnejn, mifruxa ta’ xejn!” Din il-poeżija hija eleġija u fl-istess ħin lirika.  Sikwit juża l-polisindeto u l-epiżewski biex jagħmel enfasi.  It-ton fl-ewwel parti huwa wieħed ferrieħi fil-waqt li fit-tieni hu ta’ niket.


Jien


F’din il-poeżija awtobijografika u riflessiva, Victor Fenech qed jipprova jikxef l-identità tiegħu.  Fil-fatt kull strofa tibda bi stqarrija fuq il-“jien” tiegħu b’eċċezzjoni għall-aħħar strofa.  Fenech jaħseb li huwa idealist għax jixtieq li fid-dinja n-nies kollha jkunu stmati ndaqs; huwa prattiku għax jaf li l-ħajja mhix faċli; huwa reali għax jaf li “fi ċkunitu” għandu l-limitazzjonijiet tiegħu biex jesponi ċerti ideat liberali u faċilment jispiċċa iżolat.  Fl-istess waqt huwa ribell għax ma jaċċettax kollox iżda kapaċi jasal għal ftehim (kompromess) ukoll.  Dawn il-fatturi kollha, kultant kuntrastanti (kontra xulxin), jagħmlu l-karattru tal-poeta b’ħafna lati differenti.  Dan ifisser li l-poeta kapaċi jadatta ruħu għal sitwazzjonijiet differenti. Il-problema hija din: wara dawn ir-riflessjonijiet fuqu nnifsu, il-poeta xorta għadu ma sabx lilu nnifsu (“jien…jien min jien?”) u jixtieq ikun jaf eżattament hu min hu.  Wara kollox, bħalna lkoll, il-poeta juri inċertezza u dubju minnu nnifsu.


Katrin tal-Imdina


Dwardu Cachia jagħtina rakkont dwar minn xiex kellha tgħaddi Katrin tal-Imdina f’jum wieħed (tiżżewweġ – tormol).  Fil-bidu l-poeta jagħtina deskrizzjoni dettaljata taċ-ċeremonja tal-jum tat-tieġ tal-ħakem ma’ Katrina.  Kulħadd kien qed jiċċelebra dan il-jum bil-mod tradizzjonali kif kienu jsiru t-tiġijiet Maltin.  Wara, b’ton u b’ritmu differenti, il-poeta jagħtina deskrizzjoni tal-wasla tal-għadu, ir-reazzjoni tal-Maltin u l-ġlieda li spiċċat b’rebħa għall-Maltin.  Fl-aħħar, jerġa’ jaqleb it-ton u r-ritmu u jagħtina rakkont tar-ritorn tal-Maltin lejn il-Belt bil-ħakem mejjet.  Hawn jagħtina deskrizzjoni tar-reazzjoni ta’ Katrin meta qalulha li żewġha kien mejjet. Din il-poeżija hija ballata romantika, b’xi xejriet storiċi, jiġifieri għanja li tirrakkonta storja sentimentali bi tmiem traġiku.  Hija maqsuma fi tliet biċċiet; kull biċċa għandha ton differenti:


  1. L-ewwel biċċa: tirrakkonta ż-żwieġ; magħmula minn ottavi bil-vers senarju; ton ferrieħi u ritmu mexxej.
  2. It-tieni biċċa: turi l-wasla tal-għadu; magħmula minn kwartini bil-vers ottonarju; ton ta’ tensjoni u ritmu inqas mexxej.
  3. It-tielet biċċa: tingħata l-aħbar kiefra; magħmula minn kwartini bil-vers senarju; ton ta’ swied il-qalb u ritmu aktar mexxej minn dak tat-tieni parti.

 Il-ballata tidher aktar realistika permezz tad-diskors dirett f’xi mument.  Il-poeta juża ħafna kliem Semitiku u biċċa mill-kliem huwa arkajku (“għors”, “ħaddara”, “mdannitha”, “raħeb”).

Jum San Valentin

Jum San Valentinu huwa l-jum tal-maħbubin, fejn fid-dinja kollha miljuni ta’ koppji jiċċelebraw dan il-jum bi kliem mill-aktar ħelu u sabiħ.  Iżda min jispiċċa tradut mill-maħbub/a tiegħu ma tantx ikollu f’moħħu kliem sabiħ x’jgħidlu/ha lis-sieħeb/a tiegħu/ha.  Proprju fuq hekk tittratta din il-poeżija.  Naraw il-weġgħa li għandha l-poetessa fuq l-istonku tagħha tant li qed tistenna lill-‘maħbub’ tagħha biex taqla’ minn fuq l-istonku l-frażi li tixraqlu f’dan il-jum: “Ja traditur”.  Hi se tfakkru f’kemm-il darba ġiet ‘irreġġata’ (irrifjutata) u fl-għeluq tistiednu biex ikompli mal-burdata tagħha biex b’hekk ikunu jistgħu jikkonfrontaw lil xulxin sal-aħħar:

u jekk tista’
itfagħhieli luraqisha ballun” Il-mistoqsija rettorika li tibda biha l-poeżija ġġiegħel lill-qarrej jimmaġina f’moħħu l-kelma ‘inħobbok’ iżda malli jitfaċċaw il-metafori tal-kanun u l-balla, il-qarrej malajr jinduna li hemm kuntrast kbir bejn dak li ħaseb u dak li qed tesprimi l-poetessa.  It-ton huwa wieħed ta’ rabja.  Grech Ganado twasslilna l-messaġġ biex qabel ma nilagħbu bis-sentimenti ta’ ħaddieħor naħsbuha darbtejn.

B'Idejna


L-Innu Malti, bħall-bandiera Maltija, jissimbolizza lil ġensna kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna.  Iżda kulħadd huwa kburi b’dan l-innu?  Jew għal xi wħud ma jfisser xejn?  Il-poeta modern Adrian Grima, permezz ta’ din il-poeżija, ibeżbeż xi ftit lill-Maltin, għax waqt id-daqq tal-Innu Malti bilkemm donnhom ma jimbarazzawx irwieħhom jew ma jkunux jafu kif se jaqbdu jġibu ruħhom! Grima qed ifakkarna li l-Innu Malti jagħtina identità (“ifakkarni li jien dak li jien”) u għalhekk għandna napprezzaw kemm tħabtu missirijietna biex insiru nazzjon għalina.  B’ton kritiku, il-poeta jridna nirrealizzaw li aħna poplu b’kapaċitajiet (“kredenzjali”) kbar iżda l-ewwel irridu nemmnu fina nfusna u ma nwebbsux rasna.