02/11/2013

Il-Ħarsa ta' Rużann: Insiru nafu l-karattri!

Stampa meħuda minn maltikurja.com

Rużann
Bidwija Dinglija li meta kienet xebba kellha xagħarha twil ħafna, ixaqleb lejn il-qastni u kellha għajnejha blu lewn il-Baħar Mediterran.  Kienet bint il-bdiewa u kienet mara bieżla immens.  Inħabbet bil-moħbi mat-tifel tas-sid tar-raba’ tagħhom (il-Baruni x-xiħ) u qattgħet mumenti veru sbieħ miegħu.  Kellha ħarsa speċjali li lill-maħbub tagħha kienet iġġennu biha.  Kellha wild wieħed minn bin il-Baruni x-xiħ, li rabbietu weħidha, għaliex xħin inqabdet tqila, minħabba l-mentalità magħluqa tas-soċjetà li kienet tgħix fiha, kienet taf li ż-żwieġ tagħha (raħlija ma’ Baruni) ma kienx ser jiġi aċċettat mis-soċjetà.  Għalkemm biż-żmien tmut, xorta waħda tibqa’ tħares fuq xi membri tal-familja u l-iskop tagħha kien li tipproteġi lill-ġenerazzjonijiet tagħha ta’ warajha.

Mark Antonin
Twieled f’familja nobbli u kien werriet ta’ ħafna flus, privileġġi u setgħa.  Billi kien isiefer ta’ spiss u dar l-ibliet il-kbar tal-Ewropa, kellu mentalità differenti minn ta’ missieru u minn tan-nies ta’ poter bħalu.  Fil-Fatt, billi hu għex ir-rivoluzzjonijiet li seħħew f’pajjiżi oħra, għaraf li s-sistema li kien iħaddan missieru kienet antikwata (antika) u waslet fi tmiemha.  Għalkemm bin is-sinjuri, kien difensur tal-bdiewa biex ma jaffaċċjawx aktar inġustizzji.  Minħabba f’hekk kien hemm xi wħud tal-klassi tiegħu li sejħulu traditur.  Nissel imħabba għal tfajla raħlija mhix tal-istess klassi tiegħu u taqqalha.  Għalkemm ried jerfa’ r-responsabbiltà għal dak li għamel, it-tfajla li ħabb ma riditux jiżżewwiġha għaliex beżgħet li ttebbagħlu ismu.

Karmenu
Rabbietu ommu għaliex lil missieru ma kienx jafu.  Hu kien frott ta’ mħabba kortiġġjana bejn bidwija u Baruni.  Iżżewweġ mara bieżla li minnha kellu disat itfal, iżda tlieta minnhom mietu.  Darba, il-ħallelin ta’ Xuxana serqu r-razzett tiegħu, qerdulu ħafna annimali u spiċċa laqqat xebgħa kbira tant li ntilef minn sensih.  F’għajnejh kien iġorr il-Ħarsa ta’ Rużann u meta għadda mis-serqa sema’ leħinha jagħmillu l-kuraġġ.  Minħabba l-ħarsa t’għajnejh, ħu ż-żgħir nett tal-Baruni Mark Antonin kellu grazzja kbira miegħu tant li miegħu kien iħobb jagħmel xi eċċezzjoni.

Lurenz
Ta’ sittax-il sena kienet telqet mal-familja tagħha mill-Girgenti u marret toqgħod l-Imdina.  Missierha kien magħruf bħala Ġannikol tal-Pastizzi għax kien pastizzar iżda qabel kien jaħdem ir-raba’.  Minħabba l-artrite kellu jitlaq dan ix-xogħol tar-raba’.

Marija
Kienet il-kbira fost ħutha u għalkemm riedu jgħallmuha l-iskola, ma riditx taf biha.  Iżda x-xorti għenitha u l-Baruni żgħir (ħu Mark Antonin) kien offrielha li jħaddimha miegħu bħala serva.  Kienet bieżla tant li Gerit, l-imgħallma ta’ fuqhom, qalet lill-Baruni li qatt ma rat bħalha.  Meta bdiet tinnamra ma’ Wenzu tal-ħaxix u kienet ser titgħarras, marret avżat lill-Baruni li se titlaq mix-xogħol.  Dan ħadha bi kbira wisq tant li għamel sigħat jibki.  Hi wkoll kienet iġġorr il-Ħarsa ta’ Rużann.

Wenzu
Xogħlu kien li jbigħ il-ħaxix u fil-fatt iltaqa’ ma’ martu minn waħda mill-mawriet tax-xogħol.  Għall-ewwel lilu u lit-tfajla li sab ma ridux iżewġuhom sakemm niżlu f’bir bla ilma u qalilhom li qabel ma jagħtuhom il-kunsens mhux se jitilgħu.  Xħin beda jidlam il-ġenituri ċedew.  Biż-żmien ma baqax ibigħ il-ħaxix iżda fetaħ ħanut tal-inbid f’Ħad-Dingli.

Pietru
Kellu l-istess ħarsa ta’ Rużann f’għajnejh.  Trabba f’ħanut tal-inbid ta’ missieru iżda ommu riedet tgħallmu l-iskola għax bl-iskola l-familja setgħet tieħu ‘dija’ ġdida.  Fil-fatt biż-żmien laħaq għalliem fi skola tal-gvern u aktar tard surmast.  Kien iġorr il-Ħarsa ta’ Rużann f’għajnejh u din għenitu jsib it-tfajla ta’ ħajtu.

Salvina
Xebba sinċiera, ħanina u bil-għaqal li kienet tgħix m’ommha u ma’ ħuha għaliex missierha kien miet.  Meta kienet żgħira kienet tħobb in-naspli u darba, tfajjel ċkejken, li ‘l quddiem sar żewġha, kien raha taħtaf in-naspli mill-għalqa tagħhom u ma qalilha xejjn.  ‘Il quddiem din it-tifla ssir għalliema u żżewġet għalliem ieħor.

Ġina
Kemm missierha kif ukoll ommha kienu għalliema.  Hi kienet iġġorr il-Ħarsa ta’ Rużann ukoll.  Kienet bdiet taħdem kmieni f’ħajjitha u minn mindu kienet żgħira kienet tħobb tuża l-lapsijiet u l-karti.  Fil-fatt hi kienet tħobb tpinġi u darba waħda pittret wiċċ ta’ mara li lil missierha qaltlu li hi Rużanna.  Meta kibret kultant kienet tħoss li meta tpitter donnu jkun hemm xi ħadd ipitter flokha.  Hi żżewġet, kellha tifla waħda iżda romlot kmieni.  Wara tatha għall-ħidma soċjali u kienet taħdem għall-emaċipazzjoni (progess) tal-mara.  Darba qabdet it-triq lejn il-Kappella ta-Madliena fuq l-irdum ta’ Ħad-Dingli u wara li semgħet passi ta’ żiemel u daħk, semgħet l-isem Rużann.

Luċija

Din it-tfajla kienet għarusa inġinier.  Hi wkoll kienet tal-iskola għaliex kienet għadha kemm laħqet tabiba.  Darba waħda ommha sejħitilha Rużann u dan l-isem tassew kien qanqalha.

10 comments: