02/11/2013

Il-Pjazza tar-Raħal (komponiment)

Minn Luke Micallef - 5.1 - Sena Skolastika 2013/2014




Il-pjazza tar-raħal hija waħda mill-aktar postijiet imfittxija fir-Rabat, speċjalment minn dawk in-nies pensjonanti u li ma fadlilhom xejn x’jagħmlu, ħlief li jparlaw u jirrakkontaw ġrajjiethom u żminijiethom. Iżda mhux biss!

Fil-pjazza tar-Rabat ikun hemm ukoll nies li barra li jkollhom iż-żmien, f’idejn xi wieħed jew tnejn issib xi virdun ġo gabjetta biex jidher minn kulħadd u hemmhekk joqgħod jaqsam id-delizzju tiegħu ma’ ħaddieħor li jkollu delizzju simili. Iżda mhux b’dawn in-nies biss timtela l-pjazza, għax barra dawn ikun hemm oħrajn li jintefgħu ġo xi ħanut tat-te’ li għandna fil-pjazza u joqogħdu jitpaxxew u jedhew bit-te’ jew kafe’ f’idejhom fuq xi bank, iħarsu lejn il-faċċata tal-knisja maestuża. Barra minn hekk, issib ukoll nies li jaħtfu l-okkażjoni biex jidħlu fuq l-internet b’xejn permezz tal-‘free wifi’ li hemm fil-pjazza u għalhekk tara diversi persuni b’xi mobajl lussuż, bilqiegħda fuq xi bank u jgawdu dan l-oġġett. Il-pjazza tagħna ma tkunx mimlija biss fis-sajf, iżda wkoll fix-xitwa, peress li għandha vantaġġ żgħir. Hemm il-loġoġ u l-kuritur taċ-Ċenru Ċiviku u li huma msaqqfin u għalhekk inti tista’ tistkenn u tagħmel dak li kont tagħmel barra, taħt dawn il-loġoġ.

Il-pjazza tar-raħal iżda, tkun imfittxija l-aktar mit-turisti li jiġu minn kull rokna tad-dinja b’devozzjoni kbira lejn l-Appostlu Missierna San Pawl, biex iżuru l-grotta u l-knisja tiegħu, il-mużew Wignacourt u l-katakombi li huma magħrufa ħafna fir-Rabat. Iżda wara kollox il-‘Pjazza tar-Raħal’ hija pjazza li taqdi lin-nies ta’ kull gost. Kull nhar ta’ Ħadd, fuq naħa jkun hemm il-monti b’kull xorta t’affarijiet li toħlom u li tixtieq, u fuq in-naħa l-oħra l-quddiesa fil-Parroċċa. Hemm ukoll diversi ħwienet tal-ikel, tat-te’, l-għassa tal-pulizija, il-poliklinika, il-każin tar-‘Rabat Ajax’, ħwienet tal-ħelu, tan-nuċċalijiet u ħafna bini ieħor.

Il-pjazza tkun imfittxija l-aktar fil-festa titulari ddedikata lill-Martirju ta’ San Pawl u l-festa prinċipali ddedikata lill-Corpus Domini/is-Santissmu Sagrament.

Kull fejn tmur fl-irħula, l-ewwel li tfittex hija l-pjazza. Ir-Rabat, mhux il-barranin biss ifittxu l-pjazza iżda anke r-Rabtin li, għalkemm il-każini tal-baned mhux qegħdin fil-pjazza, xorta timtela bin-nies li tista’ tghid trabbew fiha għax iktar għamlu ħin fiha milli fid-dar tagħhom!

No comments:

Post a Comment