02/11/2013

Hekk kif ftaħt il-bieb tad-dar wara l-iskola... (komponiment)

Minn Chris Frendo - 3.1 - Sena Skolastika 2013/2014


Hekk kif ftaħt il-bieb tad-dar wara l-iskola sibt ħemda kbira ħdejn is-soltu storbju li jġenġillek widnejk. Dort mad-dar kollha biex nara fejn jistgħu jkunu ħija u ommi, iżda ma sibt lil ħadd.

Jien ma inkwetajt xejn għax għedt li dawk marru jagħmlu xi qadja u dalwaqt narahom ma’ wiċċi. B’hekk inħsilt, kilt xi haġa u bdejt il-komponiment tal-Malti. Wara li lestejt ix-xogħol kollu tal-iskola bdejt nitħasseb kif ommi u ħija kienu għadhom ma ġewx lura d-dar, għalhekk ċempilt lil ommi, iżda ma qabditx u lanqas ħija ma qabad.

Hekk kif kont qed naħseb bejni u bejn ruħi, rajt karta bil-kitba fuqha fuq il-bank tal-kċina li kienet tgħid hekk:

“Autumn Triq l-Insiġ Żebbuġ.  Ġib miegħek ħamest elef Ewro jekk trid terġa’ tingħaqad ma’ familtek. EJJA WAĦDEK!!”
Dak il-ħin qalbi bdiet tħabbat sitta, sitta u ġismi qam xewk, xewk. Wara li kkalmajt bdejt naħseb naqra x’ħa nagħmel u l-ewwel idea kienet li nċempel lill-pulizija iżda kif għedtilhom bl-affari qatgħuli għax ħasbuni qed nagħmel xi ċajta.
Jien ma kontx lest li nibqa’ d-dar ma nagħmel xejn, nistenna l-bajtra taqa’ f’ħalqi, u b’hekk iddeċidejt li nfassal pjan waħdi. Bdejt billi qbadt karta tal-ħames mitt Ewro, ikkupjajtha għal għaxar darbiet u tfajthom f’envelopp. Poġġejthom f’basket flimkien ma’ pistola li tispara boċċi tal-plastik (forsi jibżgħu minni). Mort il-pjazza u rkibt tal-linja. Xħin wasalt Ħaż-Żebbuġ irnexxieli nsib id-dar, iżda ma kontx iblah biżżejjed biex nidħol mill-bieb prinċipali u allura dħalt minn tieqa. Hekk kif dħalt inxtegħlu d-dwal, u għedt ‘lesta tiegħi’, imma minflok nisma’ l-kliem ‘HAPPY BIRTHDAY!’ itambru ġo widnejja.
Xħin smajt hekk indunajt li dan kien kollu pjan għal għeluq snini. Bil-ġenn kollu kont insejt li kien għeluq snini u ħadt l-akbar sorpriża ta’ ħajti li żgur mhux se ninsa!

1 comment: