02/11/2013

Il-Ħarsa ta' Rużann: Insiru nafu l-karattri!

Stampa meħuda minn maltikurja.com

Rużann
Bidwija Dinglija li meta kienet xebba kellha xagħarha twil ħafna, ixaqleb lejn il-qastni u kellha għajnejha blu lewn il-Baħar Mediterran.  Kienet bint il-bdiewa u kienet mara bieżla immens.  Inħabbet bil-moħbi mat-tifel tas-sid tar-raba’ tagħhom (il-Baruni x-xiħ) u qattgħet mumenti veru sbieħ miegħu.  Kellha ħarsa speċjali li lill-maħbub tagħha kienet iġġennu biha.  Kellha wild wieħed minn bin il-Baruni x-xiħ, li rabbietu weħidha, għaliex xħin inqabdet tqila, minħabba l-mentalità magħluqa tas-soċjetà li kienet tgħix fiha, kienet taf li ż-żwieġ tagħha (raħlija ma’ Baruni) ma kienx ser jiġi aċċettat mis-soċjetà.  Għalkemm biż-żmien tmut, xorta waħda tibqa’ tħares fuq xi membri tal-familja u l-iskop tagħha kien li tipproteġi lill-ġenerazzjonijiet tagħha ta’ warajha.

Mark Antonin
Twieled f’familja nobbli u kien werriet ta’ ħafna flus, privileġġi u setgħa.  Billi kien isiefer ta’ spiss u dar l-ibliet il-kbar tal-Ewropa, kellu mentalità differenti minn ta’ missieru u minn tan-nies ta’ poter bħalu.  Fil-Fatt, billi hu għex ir-rivoluzzjonijiet li seħħew f’pajjiżi oħra, għaraf li s-sistema li kien iħaddan missieru kienet antikwata (antika) u waslet fi tmiemha.  Għalkemm bin is-sinjuri, kien difensur tal-bdiewa biex ma jaffaċċjawx aktar inġustizzji.  Minħabba f’hekk kien hemm xi wħud tal-klassi tiegħu li sejħulu traditur.  Nissel imħabba għal tfajla raħlija mhix tal-istess klassi tiegħu u taqqalha.  Għalkemm ried jerfa’ r-responsabbiltà għal dak li għamel, it-tfajla li ħabb ma riditux jiżżewwiġha għaliex beżgħet li ttebbagħlu ismu.

Karmenu
Rabbietu ommu għaliex lil missieru ma kienx jafu.  Hu kien frott ta’ mħabba kortiġġjana bejn bidwija u Baruni.  Iżżewweġ mara bieżla li minnha kellu disat itfal, iżda tlieta minnhom mietu.  Darba, il-ħallelin ta’ Xuxana serqu r-razzett tiegħu, qerdulu ħafna annimali u spiċċa laqqat xebgħa kbira tant li ntilef minn sensih.  F’għajnejh kien iġorr il-Ħarsa ta’ Rużann u meta għadda mis-serqa sema’ leħinha jagħmillu l-kuraġġ.  Minħabba l-ħarsa t’għajnejh, ħu ż-żgħir nett tal-Baruni Mark Antonin kellu grazzja kbira miegħu tant li miegħu kien iħobb jagħmel xi eċċezzjoni.

Lurenz
Ta’ sittax-il sena kienet telqet mal-familja tagħha mill-Girgenti u marret toqgħod l-Imdina.  Missierha kien magħruf bħala Ġannikol tal-Pastizzi għax kien pastizzar iżda qabel kien jaħdem ir-raba’.  Minħabba l-artrite kellu jitlaq dan ix-xogħol tar-raba’.

Marija
Kienet il-kbira fost ħutha u għalkemm riedu jgħallmuha l-iskola, ma riditx taf biha.  Iżda x-xorti għenitha u l-Baruni żgħir (ħu Mark Antonin) kien offrielha li jħaddimha miegħu bħala serva.  Kienet bieżla tant li Gerit, l-imgħallma ta’ fuqhom, qalet lill-Baruni li qatt ma rat bħalha.  Meta bdiet tinnamra ma’ Wenzu tal-ħaxix u kienet ser titgħarras, marret avżat lill-Baruni li se titlaq mix-xogħol.  Dan ħadha bi kbira wisq tant li għamel sigħat jibki.  Hi wkoll kienet iġġorr il-Ħarsa ta’ Rużann.

Wenzu
Xogħlu kien li jbigħ il-ħaxix u fil-fatt iltaqa’ ma’ martu minn waħda mill-mawriet tax-xogħol.  Għall-ewwel lilu u lit-tfajla li sab ma ridux iżewġuhom sakemm niżlu f’bir bla ilma u qalilhom li qabel ma jagħtuhom il-kunsens mhux se jitilgħu.  Xħin beda jidlam il-ġenituri ċedew.  Biż-żmien ma baqax ibigħ il-ħaxix iżda fetaħ ħanut tal-inbid f’Ħad-Dingli.

Pietru
Kellu l-istess ħarsa ta’ Rużann f’għajnejh.  Trabba f’ħanut tal-inbid ta’ missieru iżda ommu riedet tgħallmu l-iskola għax bl-iskola l-familja setgħet tieħu ‘dija’ ġdida.  Fil-fatt biż-żmien laħaq għalliem fi skola tal-gvern u aktar tard surmast.  Kien iġorr il-Ħarsa ta’ Rużann f’għajnejh u din għenitu jsib it-tfajla ta’ ħajtu.

Salvina
Xebba sinċiera, ħanina u bil-għaqal li kienet tgħix m’ommha u ma’ ħuha għaliex missierha kien miet.  Meta kienet żgħira kienet tħobb in-naspli u darba, tfajjel ċkejken, li ‘l quddiem sar żewġha, kien raha taħtaf in-naspli mill-għalqa tagħhom u ma qalilha xejjn.  ‘Il quddiem din it-tifla ssir għalliema u żżewġet għalliem ieħor.

Ġina
Kemm missierha kif ukoll ommha kienu għalliema.  Hi kienet iġġorr il-Ħarsa ta’ Rużann ukoll.  Kienet bdiet taħdem kmieni f’ħajjitha u minn mindu kienet żgħira kienet tħobb tuża l-lapsijiet u l-karti.  Fil-fatt hi kienet tħobb tpinġi u darba waħda pittret wiċċ ta’ mara li lil missierha qaltlu li hi Rużanna.  Meta kibret kultant kienet tħoss li meta tpitter donnu jkun hemm xi ħadd ipitter flokha.  Hi żżewġet, kellha tifla waħda iżda romlot kmieni.  Wara tatha għall-ħidma soċjali u kienet taħdem għall-emaċipazzjoni (progess) tal-mara.  Darba qabdet it-triq lejn il-Kappella ta-Madliena fuq l-irdum ta’ Ħad-Dingli u wara li semgħet passi ta’ żiemel u daħk, semgħet l-isem Rużann.

Luċija

Din it-tfajla kienet għarusa inġinier.  Hi wkoll kienet tal-iskola għaliex kienet għadha kemm laħqet tabiba.  Darba waħda ommha sejħitilha Rużann u dan l-isem tassew kien qanqalha.

Il-Ħarsa ta' Rużann - Tabella tal-Karattri

Qabel ma wieħed jibda jaqra r-rumanzett jagħmel tajjeb li jinnota u josserva kemxejn din is-siġra tal-familja/tabella tal-karattri prinċipali.  Ħa ssibuha ta' għajnuna intom u taqraw ir-rumanzett.

Tislijiet!




Bejn Ħaltejn - Noti tal-Poeżiji tal-Form 5


Noti meħudin minn Suċċessinu 2, b'adattament ta' xi biċċiet.

Aqta' fjura u ibni kamra

B’ton ironiku l-poeta qed jikkritika l-egoiżmu sfrenat ta’ ċerti individwi fis-soċjetà Maltija li jagħmlu dak li jaqblilhom basta joqogħdu sewwa huma. Il-poeta huwa konxju li ċerti individwi lesti li jibnu illegalment għax jafu li ladarba dan inbena diffiċli ħafna biex jerġa’ jaqa’: “Tinkwetax… dak li sar sar” (v.4). Mifsud jelenka bini differenti li qed jeqred l-ambjent u l-pajsaġġ Malti fosthom il-bini tal-vilel, tat-taparsi boat houses, u tal-pixxini. Dawn l-iżviluppi qegħdin jeqirdu l-ġid komuni tal-Maltin, bħas-siġar, il-fjuri, il-ħamrija u l-ħut, fost oħrajn. Bl-aħħar vers “Ħu nifs qawwi u mur indifen” (v.28), il-poeta jrid iġibna konxji li jekk se nkomplu sejrin bil-mentalità ta’ l-ewwel jien sejrin neqirdu l-identità ta’ pajjiżna u f’dak il-waqt ikun impossibbli nreġġgħu l-arloġġ lura. Din hija poeżija riflessiva u didattika għax barra li l-poeta qed jirrifletti fuq il-qagħda preżenti ta’ Malta, qiegħed jipprova jeduka lill-qarrejja biex jibdlu l-mentalità tagħhom ħalli nsalvaw dak li writna mingħand missirijietna. Is-sarkażmu kontinwu tul il-poeżija jwassalna nifhmu bil-kontra ta’ dak li hemm miktub.


Fejn jorqod ir-riħ


Achille Mizzi jagħtina deskrizzjoni tal-burdati differenti tar-riħ, li kollha għandhom il-funzjoni tagħhom fil-ħajja ta’ kuljum. Hu jurina li r-Riħ Fuq inixxef l-affarijiet, jgħinna fil-qliebi u biex indewwu xi ħaġa. Mill-banda l-oħra r-Riħ Isfel jgħinna nagħmlu l-inbid. Hu jrid iġegħelna nifhmu li għalkemm il-bniedem jaħseb li jaf kollox, ħafna drabi n-natura turina li aħna l-bnedmin, għorrief kemm aħna għorrief, m’aħniex kapaċi nikkontrollawha. Il-klajmaks jintlaħaq lejn għeluq il-poeżija meta jurina li mingħajr ir-riħ: 
"id-dakra ma ttuqx 
u lanqas 
il-ħajja 
ma tiġġedded"
F’din il-poeżija riflessiva u deskrittiva, il-poeta jitkellem dwar ir-Riħ Fuq b’lessiku pożittiv (“jiffriska”, “jnixxef”, “jixxotta”) u b’lessiku negattiv fuq ir-Riħ Isfel (“moffa”, “indewwa”, “miblul”). Is-sarkażmu li juża l-kittieb, ngħidu aħna “kollox nafu daqs ir-riħ”, jurina li l-elementi, fosthom ir-riħ, huma imprevedibbli u ma jiġux ikkontrollati faċilment, anzi daqqa jkun mod u daqqa oħra jkun mod ieħor.


Żagħżugħ ta' dejjem


F’din il-poeżija nostalġika l-poeta jiftakar fil-passat tiegħu meta kollox kien isbaħ u aħjar. Hija poeżija deskrittiva u riflessiva għax barra li jiddeskrivi l-baħar, jirrifletti fuq l-eżistenza tiegħu f’din id-dinja. Il-poeta jikkuntrasta bejn il-baħar u l-ħlejjaq/l-affarijiet l-oħra biex juri l-immortalità tal-baħar u fl-istess ħin juri l-ammirazzjoni tiegħu lejn il-baħar.
  1. Fl-ewwel parti naraw kwadrett tal-pajsaġġ Malti fejn il-poeta jiddeskrivilna l-istat mitluq tal-bir u tal-ħerża tant li hu stess jibża’ jimla l-ilma minnu. Il-lessiku negattiv jikkumplimenta l-isat tal-bir: “titmewwet”, “titmermer”, “ixxaqqaq”…
  2. Fit-tieni parti naraw bidla mil-lejl għan-nhar. Meta l-poeta mar ħdejn l-istess bir sabu kompletament differenti għax sabu mimli bil-ħajja mnejn faċilment seta’ jtella’ “ġmiel ta’ ilmijiet” (v.24). Hawnhekk insibu lessiku pożittiv bħal “sħarijiet”, “ġmiel”, “sliem”…
Dun Karm qiegħed jirrifletti fuq l-eżistenza tiegħu, u biex jifhem aħjar il-preżent imur lura fi żmien tfulitu. Għalkemm illum għandu ż-żmien u għadda minn ħafna esperjenzi, f’moħħu xorta baqagħlu l-jiem sbieħ tat-tfulija. Hu jistqarr li ż-żmien fuq kollox iħalli l-marki tiegħu allavolja aħna kultant ma nintebħux. Ix-xjuħija fil-ħarruba tidher fit-“tiflil tal-qoxra” u fuq l-Alpi jidhru wkoll il-marki taż-żmien. Iżda l-baħar jibqa’ “żagħżugħ ta’ dejjem”, riflessjoni tal-immortalità li kull bniedem jixtieq jakkwista. Hawn il-poeta jagħtina deskrizzjoni tal-karatteristiċi tal-baħar billi jippersonifikah. Kultant il-baħar ibeżżgħu għax xħin juri saħħtu mal-iġfna ma jikkalkulax lill-bnedmin li jispiċċaw vittmi. Imma minkejja li kultant kiefer, lill-poeta xorta jogħġbu għax imbagħad drabi oħra jġib ruħu bħat-tfal. 


Ġarġir mal-Ħerża


Il-poeżija tinqasam f’żewġ partijiet: Aktarx li l-ilma f’din il-poeżija jissimbolizza l-lehma (l-ispirazzjoni) tal-poeta. Minħabba xi ċirkostanzi f’ħajtu, għal xi żmien sabha diffiċli biex jispira ruħu u jesprimi ruħu bħas-soltu. Iżda b’xorti tajba rnexxielu jegħleb din il-fażi u reġa’ mill-ġdid poeta.
Din hija poeżija allegorika għax qed jirrakkonta storja imma fil-fond qed tissimbolizza xi ħaġa oħra; deskrittiva għax jiddeskrivi karatteristiċi ambjentali lokali fi stadji differenti u narrattiva għax jirrakkonta minn xiex għadda huwa stess (awtobijografija).


Geraldine


F’din il-poeżija sempliċi, deskrittiva u narrattiva f’xi waqtiet, Trevor Żahra jirrakkuntalna esperjenzi li għadda minnhom tfajjel partikolari. Dan it-tifel issaħħar wara ħabiba tiegħu Geraldine, li mid-deskrizzjoni li għandna jidher li ma kienet tħalliha lixxa lil ħadd. Il-mod kif ġabet ruħha ma’ Freddie l-Buli, ġiegħel lil dan it-tfajjel jitlef għaqlu warajha tant li darba minnhom, xħin ħaditu fil-ġnien biex jaqtgħu “frotta pprojbita”, daħħlitu f’ħafna inkwiet kemm mal-Kap tal-Iskola kif ukoll mal-familjari tiegħu. U wara ħafna twiddib, it-tfajjel kellu jħalli lil din il-tfajla u jerġa’ jfittex lil sħabu għax din kienet se ddaħħlu f’ħafna għawġ. Iżda għalkemm għaddew tant snin, it-tifel għadu ma nsihiex lit-tfajla tant li spiss jaħseb fuq “Geraldine…” Il-poeta joħloq ritmu mexxej, donnu jrid juri li ż-żgħorija (tfulija) tgħaddi malajr. Id-diskors dirett jagħmel ix-xenarju aktar realistiku, idaħħalna fl-atmosfera u fl-istess waqt joħloq mument ta’ spontanjetà (dak il-ħin stess).

Hekk kif ftaħt il-bieb tad-dar wara l-iskola... (komponiment)

Minn Chris Frendo - 3.1 - Sena Skolastika 2013/2014


Hekk kif ftaħt il-bieb tad-dar wara l-iskola sibt ħemda kbira ħdejn is-soltu storbju li jġenġillek widnejk. Dort mad-dar kollha biex nara fejn jistgħu jkunu ħija u ommi, iżda ma sibt lil ħadd.

Jien ma inkwetajt xejn għax għedt li dawk marru jagħmlu xi qadja u dalwaqt narahom ma’ wiċċi. B’hekk inħsilt, kilt xi haġa u bdejt il-komponiment tal-Malti. Wara li lestejt ix-xogħol kollu tal-iskola bdejt nitħasseb kif ommi u ħija kienu għadhom ma ġewx lura d-dar, għalhekk ċempilt lil ommi, iżda ma qabditx u lanqas ħija ma qabad.

Hekk kif kont qed naħseb bejni u bejn ruħi, rajt karta bil-kitba fuqha fuq il-bank tal-kċina li kienet tgħid hekk:

“Autumn Triq l-Insiġ Żebbuġ.  Ġib miegħek ħamest elef Ewro jekk trid terġa’ tingħaqad ma’ familtek. EJJA WAĦDEK!!”
Dak il-ħin qalbi bdiet tħabbat sitta, sitta u ġismi qam xewk, xewk. Wara li kkalmajt bdejt naħseb naqra x’ħa nagħmel u l-ewwel idea kienet li nċempel lill-pulizija iżda kif għedtilhom bl-affari qatgħuli għax ħasbuni qed nagħmel xi ċajta.
Jien ma kontx lest li nibqa’ d-dar ma nagħmel xejn, nistenna l-bajtra taqa’ f’ħalqi, u b’hekk iddeċidejt li nfassal pjan waħdi. Bdejt billi qbadt karta tal-ħames mitt Ewro, ikkupjajtha għal għaxar darbiet u tfajthom f’envelopp. Poġġejthom f’basket flimkien ma’ pistola li tispara boċċi tal-plastik (forsi jibżgħu minni). Mort il-pjazza u rkibt tal-linja. Xħin wasalt Ħaż-Żebbuġ irnexxieli nsib id-dar, iżda ma kontx iblah biżżejjed biex nidħol mill-bieb prinċipali u allura dħalt minn tieqa. Hekk kif dħalt inxtegħlu d-dwal, u għedt ‘lesta tiegħi’, imma minflok nisma’ l-kliem ‘HAPPY BIRTHDAY!’ itambru ġo widnejja.
Xħin smajt hekk indunajt li dan kien kollu pjan għal għeluq snini. Bil-ġenn kollu kont insejt li kien għeluq snini u ħadt l-akbar sorpriża ta’ ħajti li żgur mhux se ninsa!

Il-Pjazza tar-Raħal (komponiment)

Minn Luke Micallef - 5.1 - Sena Skolastika 2013/2014




Il-pjazza tar-raħal hija waħda mill-aktar postijiet imfittxija fir-Rabat, speċjalment minn dawk in-nies pensjonanti u li ma fadlilhom xejn x’jagħmlu, ħlief li jparlaw u jirrakkontaw ġrajjiethom u żminijiethom. Iżda mhux biss!

Fil-pjazza tar-Rabat ikun hemm ukoll nies li barra li jkollhom iż-żmien, f’idejn xi wieħed jew tnejn issib xi virdun ġo gabjetta biex jidher minn kulħadd u hemmhekk joqgħod jaqsam id-delizzju tiegħu ma’ ħaddieħor li jkollu delizzju simili. Iżda mhux b’dawn in-nies biss timtela l-pjazza, għax barra dawn ikun hemm oħrajn li jintefgħu ġo xi ħanut tat-te’ li għandna fil-pjazza u joqogħdu jitpaxxew u jedhew bit-te’ jew kafe’ f’idejhom fuq xi bank, iħarsu lejn il-faċċata tal-knisja maestuża. Barra minn hekk, issib ukoll nies li jaħtfu l-okkażjoni biex jidħlu fuq l-internet b’xejn permezz tal-‘free wifi’ li hemm fil-pjazza u għalhekk tara diversi persuni b’xi mobajl lussuż, bilqiegħda fuq xi bank u jgawdu dan l-oġġett. Il-pjazza tagħna ma tkunx mimlija biss fis-sajf, iżda wkoll fix-xitwa, peress li għandha vantaġġ żgħir. Hemm il-loġoġ u l-kuritur taċ-Ċenru Ċiviku u li huma msaqqfin u għalhekk inti tista’ tistkenn u tagħmel dak li kont tagħmel barra, taħt dawn il-loġoġ.

Il-pjazza tar-raħal iżda, tkun imfittxija l-aktar mit-turisti li jiġu minn kull rokna tad-dinja b’devozzjoni kbira lejn l-Appostlu Missierna San Pawl, biex iżuru l-grotta u l-knisja tiegħu, il-mużew Wignacourt u l-katakombi li huma magħrufa ħafna fir-Rabat. Iżda wara kollox il-‘Pjazza tar-Raħal’ hija pjazza li taqdi lin-nies ta’ kull gost. Kull nhar ta’ Ħadd, fuq naħa jkun hemm il-monti b’kull xorta t’affarijiet li toħlom u li tixtieq, u fuq in-naħa l-oħra l-quddiesa fil-Parroċċa. Hemm ukoll diversi ħwienet tal-ikel, tat-te’, l-għassa tal-pulizija, il-poliklinika, il-każin tar-‘Rabat Ajax’, ħwienet tal-ħelu, tan-nuċċalijiet u ħafna bini ieħor.

Il-pjazza tkun imfittxija l-aktar fil-festa titulari ddedikata lill-Martirju ta’ San Pawl u l-festa prinċipali ddedikata lill-Corpus Domini/is-Santissmu Sagrament.

Kull fejn tmur fl-irħula, l-ewwel li tfittex hija l-pjazza. Ir-Rabat, mhux il-barranin biss ifittxu l-pjazza iżda anke r-Rabtin li, għalkemm il-każini tal-baned mhux qegħdin fil-pjazza, xorta timtela bin-nies li tista’ tghid trabbew fiha għax iktar għamlu ħin fiha milli fid-dar tagħhom!