06/02/2013

It-Trasport ta' Dari (informazzjoni)



Il-Kaless

Il-kaless kien il-mezz ta’ trasport użat mis-sinjuri fl-antik.  Dan kien jinġibed minn żiemel.  Il-kaless daħal f’Malta fi Żmien il-Kavallieri u baqa’ jintuża sat-tmiem tas-seklu 19.




L-Omnibus

L-Omnibus kien l-ewwel mezz ta’ trasport pubbliku f’Malta u daħal f’Malta fi Żmien l-Ingliżi.  Beda jintuża fl-1856.  Dan, bħall-kaless, kien jinġibed miż-żwiemel iżda kien mezz ta’ trasport irħas.  Minkejja dan, xorta kien baqa’ għoli għall-foqra.  Fuq l-Omnibus kienu jirkbu 14-il ruħ u kien jasal mill-Belt sa Ħal Lija.  Tajjeb ngħidu li dan il-mezz ta’ trasport kien limitat ħafna għax kien imur biss l-Imdina, Ħaż-Żebbuġ, San Ġiljan u Tas-Sliema, apparti l-Belt u Ħal Lija.


Il-Ferrovija

Magħrufa wkoll bħala l-vapur tal-art, kienet toħroġ minn taħt Putirjal, il-Belt u tibqa’ sejra sar-Rabat.  Bdiet taħdem f’Malta fl-1883 u kienet taħdem bil-faħam.  Kien hemm pjanijiet biex il-ferrovija tibda taħdem ukoll il-Mosta, Ħaż-Żebbuġ u Tas-Sliema, iżda dawn qatt ma seħħew.


It-Tramm

It-Tramm beda jaħdem f’Malta fl-1903 u kien jaħdem bl-elettriku.  Kienet il-kumpanija Electric Tram li kienet tħaddem it-tramm f’Malta.  It-tramm kien jimxi fuq il-ħadid bħall-ferrovija.


Il-Lift

Wieħed seta’ jaqbad lanċa minn Bormla, jasal ix-xatt tal-Belt u jitla’ bil-lift sal-Barrakka ta’ Fuq.  Il-lift, bħat-tramm, kien jaħdem bl-elettriku.






Il-Karozza

Il-karozzi daħlu f’Malta fil-bidu tas-seklu 20 u kienu jirreferu għalihom bħala light cars.  Għall-kontra tal-mezzi l-oħra, bil-karozza stajt tmur fejn trid.  Intużat għall-ewwel darba f’Malta waqt iż-żjara tar-Re Dwardu VII fl-1909, minflok il-karozzella.




Ix-Xarabank


 
Magħrufa wkoll bħala l-karozza tal-linja, din daħlet f’Malta fl-1905.  Ix-xarabank irnexxielha tgħaqqad l-irħula kollha mal-Belt Valletta u allura l-beltin u r-raħħala bdew jitħalltu.  Malli daħlet ix-xarabank, il-ferrovija u t-tramm “mietu” għax is-servizzi tagħhom ma baqgħux jintużaw.

Fl-antik, tal-linja kienu miżbugħin b’kuluri differenti, skont ir-rotta. Illum il-ġurnata, in-numri jagħmlu r-rotta differenti u jinżebgħu kollha l-istess.

Il-Mewt fl-Imgħoddi (informazzjoni)



It-tqegħid tal-fjuri fuq it-tebut u l-qabar illum hija drawwa komuni biex nuru r-rispett u l-imħabba lejn il-persuna li mietet. Fl-imgħoddi, it-tqegħid tal-fjuri ma kienx ġej minn xi sens ta’ rispett iżda għax kienu jibżgħu li jekk ma jkunx hemm fjuri fuq it-tebut u l-qabar, il-mejjet kien jerġa’ jiġi lura bħala ħares. Fil-fatt ħafna mid-drawwiet u ċerimonji li għandhom x’jaqsmu mal-mewt kienu jiġu mill-biża' li n-nies kellhom minn dan il-fenomenu.

Meta jmut xi ħadd il-qraba tiegħu kienu jikru nisa u jew xi foqra li, għal ħlas żgħir, kienu jilbsu l-iswed minn rashom sa saqajhom u jibdew jibku ħdejn it-tebut u waqt il-funeral. Dawn kienu jissejħu n-Newwieħa u kull familja li kien ikollha xi mewt kienet mistennija li tikri dawn in-newwieħa biex juru n-niket tagħhom. Jekk il-mejjet kellu xi żwiemel, baqar jew mogħoż kienu jaqtgħulhom biċċa minn denbhom bħala sinjal ta’ Luttu. Kienu wkoll jarmu l-qsari mill-galleriji u t-twieqi kif ukoll ikissru l-affarijiet li kienu tiegħu personali bħall-ħwejjeġ u għodda. Dan kienu jagħmluh biex żgur ma jerġax jiġi lura. Kienu wkoll jgħattu l-mirja tad-dar fejn kien jgħix il-mejjet għax kienu jibżgħu li, jekk ir-ruħ tal-mejjet tiġi riflessa fil-mera, din setgħet tieħu magħha lil dawk li kien hemm fid-dar.

Bħala sinjal ta’ luttu l-familjari tal-mejjet kienu jagħlqu d-dar u ma joħorġux minnha la għax-xogħol u wisq anqas biex jiltaqgħu man-nies. Fl-imgħoddi n-nisa kien joqogħdu ġewwa erbgħin ġurnata u l-irġiel sebat ijiem. Matul dan il-perjodu kienu jneħħu l-pumi minn fuq il-bibien, in-nisa ma kinux isajru għal tlett ijiem u l-irġiel ma kinux iqaxxru l-leħja għal perjodu ta' ħmistax-il ġurnata jew xahar.

Kien hemm id-drawwa li l-familjari tal-mejjet iqassmu l-ikel lill-fqar.  Sa ftit tas-snin ilu kienu jsajru ħanżir ġo galdarun kbir u miegħu jsajru minestra u jagħtu dan l-ikel lill-fqar. Kien hemm ukoll l-hekk imsejħa  Ħanżira tal-Erwieħ. Din il-ħanżira kienu jħalluha tiġri mar-raħal fejn kulħadd kien jitmagħha u jħalliha tiekol li trid biex fit-2 ta’ Novembru, fil-festa tal-Qaddisin Kollha (il-festa tal-mejtin), kienu jsajruha u jqassmuha lill-fqar tar-raħal. Drawwa bħalha kienet li erba’ xhur qabel il-festa tal-Qaddisin Kollha, il-Kappillan kien jingħata qażquż u nies tar-raħal kienu jiitimgħuh. Meta jismen kien jinbiegħ u l-flus mill-bejgħ tiegħu kienu jsiru quddies għall-erwieħ.

Iż-Żwieġ Malti (informazzjoni)




Kif wieħed jista’ jobsor, fl-imgħoddi ma kienx hawn il-libertà ta’ taħlit bejn tfajliet u ġuvintur, anzi jekk tfajla tidher ma’ ġuvni kienet tqajjem skandlu kbir.  Meta xi ġuvni kien ikollu grazzja ma’ xi tfajla, kien iqabbad il-Ħuttaba, li kienet tinforma lill-ġenituri tat-tfal ħalli jsir il-ftehim.  Il-Ħuttaba kienet speċi ta’ sensara li tlaqqa’ l-koppji għaż-żwieġ, għal ħlas żgħir. Anki meta kien isir il-ftehim, it-tfajla u l-ġuvni ma setgħux joħorġu waħidhom: kienu jistgħu joħorġu biss akkumpanjati minn xi ħadd kbir. Il-koppji Maltin kienu jiżżewġu, tista’ tgħid, matul is-sena kollha.  Iżda fi żmien ir-Randan ma kienx isir żwieġ u kienet id-drawwa li, kemm jista’ jkun, ma jsirux żwiġijiet fix-xahar ta’ Mejju għaliex dan ix-xahar kien meqjus mill-Maltin bħala x-xahar tad-diżgrazzji.


Drawwa li għada ħajja f’dawn iż-żminijiet hija li l-għarus ma jistax jara l-għarusa liebsa l-libsa tat-tieġ qabel iċ-ċerimonja għaliex dan iġib risq ħażin. L-istess għarusa ma kellhiex tħares lejn il-mera meta tilbes il-libsa u dawk it-tfajliet li kienu jafu jħitu, ma kinux jagħmlu l-libsa tat-tieġ huma, għax dan ukoll dan kien ta’ risq ħażin. Is-sodda taż-żwieġ kellha tiġi mifruxa, l-ewwel darba, minn omm l-għarusa u l-għamara riedet tidħol fid-dar wara li jsir iż-żwieġ.

Meta koppja tiżżewweġ ma setgħux jibdew jgħixu flimkien qabel tmint ijiem. Wara dawn it-tmint ijiem issir iċ-ċermimonja msejħa l-Ħarġa: wara ikla għand omm l-għarusa, fejn kienet għadha tgħix,  u oħra id-dar ta’ l-għarus, il-koppja jistgħu jibdew jgħixu flimkien u jibdew il-ħajja miżżewġa.

L-Għonnella (informazzjoni)




L-għonnella żviluppat hawn Malta u saret tipikament ilbies Malti, għax bħala eżatt ma kienx hemm f’artijiet oħra. Hija magħrufa wkoll bħala faldetta, però l-Maltin qatt ma sejħulha hekk, bħalma bdiet tissejjaħ mill-Ingliżi fis-seklu għoxrin. Normalment l-għonnella kienet tkun magħmula mill-ħarir; dak li jgħidulu Franċiż kien jiswa aktar, u dak magħruf bħala ħarir Ottoman (mit-tajjar) kien aktar għall-fqajrin.  Kien hawn bosta nisa li jħitu, speċjalizzati fix-xogħol tal-għonnella, għax mhux kulħadd kien armat biex jaħdimha.

Biex l-għonnella żżomm l-ark, li jinżel minn fuq ir-ras għall-ġenb, il-ħajjati kienu jinkorporaw kartuna fix-xogħol.  L-itwal biċċa, imsejħa għatja, kienet xi erba’ piedi twila, wiesgħa min-naħa ta’ fuq ir-ras, u tidjieq għalxejn safejn jasal tarf il-ġenb. Fuq il-marġini tal-kartuna li jagħti għax-xifer ta’ barra tal-għonnella, kienu jwaħħlu fursetta jew strixxa dritta tal-kartun biex issaħħaħ l-għatja. Fejn kien jaħbat preċiż fuq il-qurriegħa tar-ras, kienu jwaħħlu biċċa kartuna qisha nofs qamar, biex taħkem aħjar fuq ir-ras. L-inforra tal-ħarir jinħietu fuq dan il-qafas, u fix-xifer kienu jwaħħlu l-hekk imsejħa balieni, “tal-għadma”, suwed, jimmullaw, biex iżommu x-xifer unit, b’kurvatura soda. Fit-tarf ta’ fuq ir-ras tal-għata, jagħmlu xi tliet qarsiet fil-kartuna, fejn isiru l-ġmiegħ tad-drapp.

L-għonnella Maltija kulħadd kien jilbisha, u kont tara mijiet minnhom fit-toroq. Taħt l-għonnella, ix-xebbiet kienu jilbsu xi kulur, imma l-kbar, l-aktar għall-knisja, kienu jilbsu skur jew iswed, dublett dejjem wiesa’ u twil. Kien hemm min hu lemini, bħal dejjem, għalhekk issib ta’ min kienet bil-kartuna fuq naħa jew l-oħra. Fejn taħbat il-kartuna kienu jgħidulu l-ark. Waħda kellha l-ark fuq ix-xellug biex tista’ terfa’ t-tarbija fuq il-lemin, u max-xellug kellha ħolqa mill-istess drapp biex iżżommha meta jkun ir-riħ.

05/02/2013

Il-Malti Lsien Imħallat (proġett Form 4)


Lingwi differenti li nsibu fil-Mediterran


Mal-medda taż-żmien, il-Mediterran, imżewwaq b’ħafna pajjiżi żgħar u kbar, ħoloq għalih waħdu storja li tibqa’ mfakkra għal bosta snin: storja li permezz tagħha ingħata lewn ġdid lill-ilsna Mediterranji, kif ukoll kellha influwenza kbira f’kontinenti oħra lil hinn mill-Ewropa.

Fost l-aktar lingwi importanti li nsibu fil-Mediterran niltaqgħu ma’ l-Ispanjol, lingwa Romanza u li jekk tismagħha tinduna li tixbah ħafna lit-Taljan.  Din il-lingwa nfirxet lil hinn mill-Mediterran u daħlet f’pajjiżi oħra akbar minn Spanja.  Dan l-ilsien infirex l-aktar fil-kontinent ta’ l-Amerka n-naħa t’isfel imsejħa l-Amerka Latina, fejn l-Ispanjoli kellhom il-ħakmiet ta’ dawn il-pajjiżi f’idejhom.  Ilsien ieħor li jixbah l-Ispanjol huwa l-Portuġiż li ħalla influwenza kbira fl-aktar pajjiż tal-Amerka t’Isfel: il-Brażil, li għal bosta snin kien f’idejn il-Portugiżi.

Ilsien ieħor importanti fil-Mediterran huwa t-Taljan li ħalla effett kbir l-aktar fuq il-Malti.  Kliem mill-Isqalli u mit-Taljan beda dieħel ħelu ħelu u ħoloq strutturi sodi fil-Malti.  Dan ġara minħabba l-fatt li aħna qattajna ħafna żmien f’kultura Taljana, anki fl-iskejjel tagħna, kif ukoll għamilna żmien twil nużaw din il-lingwa f’postijiet ta’ importanza bħal Qorti.

Żewġ lingwi importanti huma l-Franċiż u l-Grieg.  Tal-ewwel ħalla influwenza kbira fl-Ewropa, tant li jitqies bħala lingwa importanti daqs l-Ingliż għall-komunikazzjoni.

It-tieni lsien huwa wieħed mill-eqdem li nsibu.  Qabel ma l-Ingliż ħa l-popolarità tiegħu, il-Grieg kien mitkellem minn nies ta’ ċertu skola.  Il-grammatika tiegħu, madankollu, mhijiex daqstant qadima għax inkitbet 100 sena ilu u ħafna minn dak li nkiteb ġie bbażat fuq il-grammatika tal-lingwista Dionysius Thraxe.

Ilsienna, għalkemm mitħaddet biss fil-gżejjer tagħna, huwa fost l-eqdem ilsna Mediterranji, għaliex fih diversi elementi li mhux kollha huma l-istess.  Insibu kliem li, kif diġà għedna, ħadnieh mill-Isqalli u mit-Taljan u dan jista’ jkollu madwar 800 sena.  Hekk insibu kliem bħal:
*      bata
*      duluri
*      purċissjoni

Kif se naraw aktar ‘il quddiem, kliem ieħor inwiret mill-Għarbi kif ukoll mill-Ingliż li qed ikollu influwenzi qawwija ħafna fuq l-ilsna Mediterranji.

Għalhekk nistgħu ngħidu li għalkemm Malta tinsab fiċ-Ċentru tal-Mediterran, f’pożizzjoni li ħafna mill-pajjiżi l-kbar jgħiru għaliha, madankollu ma kinux il-lingwi Ewropej biss li għenu lill-Malti jiżviluppa kif nafuh illum, imma kien hemm kontinent ieħor, l-Afrika ta’ Fuq, li ta dehra kompletament differenti lill-ilsienna.



L-element Semitiku fil-Malti


L-Għarab ġew Malta fis-sena 870, u damu fostna għal aktar minn mitejn sena.  Għalhekk, il-Maltin, mingħajr ma ntebħu, bdew idaħħlu vokabularju ieħor meħud minn din il-lingwa.  Il-Malti kif nafuh illum huwa magħmul minn taħlita ġmielha ta’ Għarbi, li minn nfisha hija waħda sabiħa u tagħmel l-ilsien Malti għani fil-vokabularju.  Dan ma jfissirx li nistgħu ngħidu li l-Malti huwa lsien Għarbi, għax kif nafu l-Malti għaqqad miegħu kliem li ġej mit-Taljan u mill-Ingliż.  Minħabba dan il-għan, il-Malti jissejjaħ ilsien imħallat.

Nistgħu nibdew biex ngħidu li kliem li ġej mill-Għarbi x’aktarx jesprimi oġġetti jew ideat li għandhom x’jaqsmu mal-ħajja sempliċi ta’ kuljum:
*      deheb
*      ħabel
*      ħobż
*      ħġieġ
*      ktieb
*      serriq
*      sinna
*      żarbun

Il-bażi ta’ lsienna hija kollha kemm hi Semitika u għalhekk isibu li l-maġġoranza kbira ta’ gruppi differenti t’affarijiet huma ġejjin mill-Għarbi:
*      xi minerali u metalli: ħadid, żejt, fidda
*      xi bhejjem, ħut u frott: ħanżir, għarusa, ħawħ
*      xi rettili u nsetti: serp, dubbiena, ħanfusa
*      xi partijiet tal-ġisem: għajnejn, ġenbejn, idejn
*      il-ħin u l-istaġuni: il-ħamsa, is-sitta, il-ħarifa
*      in-numri: wieħed, tnejn, tlieta…
*      l-ilwien: aħmar, aħdar, iswed…

Bħal fl-Għarbi, il-verbi huma l-biċċa l-kbira trilitteri, u bħal fl-Għarbi wkoll, wieħed jista’ jinduna x’verb ikun anki mill-għerq:
*      k-t-b à kiteb
*      s-r-q à seraq
*      t-l-q  à telaq
*      w-r-j à wera
*      t-j-r  à tar

L-Għarbi tant kellu influwenza qawwija li fil-Malti rnexxielu jdawwar verbi ta’ nisel Rumanz u Ingliz f’sura Semitika:
*      Għarbi: kataba     naktib       nikteb
*      Taljan:  educare   Io educo   neduka
*      Ingliż:   to park    I park        nipparkja

M’hemmx dubju li l-Għarab tawna sisien Semitiċi soda f’ilsienna.  Wara li telqu minn Malti, il-Malti baqa’ fuq għeruq Semitiċi, allavolja bdew deħlin influwenzi ta’ ilsna Ewropej.



  
L-element Romanz fil-Malti


Irridu ngħidu li għalkemm il-bażi tal-Malti hija Semitika, madanakollu xorta ma nistgħux ninsew li l-Malti għandu numru kbir ta’ vokabularju ġej mit-Taljan.  Mal-miġja tan-Normanni f’Malti, il-folja bdiet tinqaleb.  Għalkemm il-Malti ta’ dak iż-żmien żamm lin-Normanni bogħod milli jikkomunikaw, dawn xorta għamlu li setgħu biex inibbtu fost il-poplu kliem Romanz fl-ilsien Malti kif kien mitħaddet dak iż-żmien.

Imma l-akbar influwenza li r-Romanz kellu fuq il-Malti, kienet mal-miġja tal-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta.  Dan minħabba li l-kavallieri li kienet tħaddan l-Ordni kienu ġejjin minn pajjiżi Ewropej.  Fis-16-il seklu, kellna wkoll influwenza qawwija tal-Isqalli u t-Taljan mill-kleru Sqalli stess, nutara kif ukoll avukati.

Bil-mod il-mod, speċjalment fil-Belt Valletta, il-poplu beda jdaħħal kliem Romanz li Vassalli, għall-bidu, sejjaħlu “Malti korrott”.  Imma llum ma naħsbuhiex hekk.  Il-Malti kompla ssebbaħ għax kien kapaċi jżewwaq żewġ kultri ta’ ilsna differenti: id-dinja Għarbija ma’ dik Taljana.

L-istorja tkompli tikber meta fl-1880 insibu ġlieda ħarxa bejn żewġ partiti Malti: il-partit Antiriformista kien favur it-tisħiħ tat-Taljan fil-kultura Maltija, filwaqt li l-partit Riformista kien favur id-dħul tal-Ingliż u l-Malti fl-edukazzjoni.  Din il-ġlieda baqgħet sejra sal-1934.

Illum li qegħdin distanza ’l bogħod minn dan iż-żmien, naraw kemm l-istorja tinfluwenza l-ilsien tal-poplu.  Mir-Romanz ħadna kliem żviluppat u aktar avvanzat minn dak Semitiku:
Semitiku
Romanz
għorfa
kamra
qorq
sandli
fiergħa
vojta
ħatem
ċurkett
rieda
volontà

Fil-Malti daħħalna wkoll tipi differenti ta’ snajja’ mit-Taljan:
*      induratur
*      librar
*      dentist
*      furnar
*      barbier
*      skarpan

Daħħalna wkoll verbi bħal:
*      nappoġġja
*      inparla
*      nikkopera

Ir-reliġjon ukoll tatna spinta qawwija għall-kliem Romanz fil-Malti, u għalhekk insibu xi kliem assoċjat mat-twemmin tagħna:
*      liturġija
*      tabernaklu
*      altar
*      rużarju



L-element Ingliż fil-Malti


Fl-1800, wara t-tluq tal-Franċiżi minn Malta, ġie poplu ieħor aktar qawwi minn ta’ qablu biex jaħkem lil gżiritna: l-Ingliżi.  Meta l-Ingliżi ġew Malta riedu li jdaħħlu l-Ingliż fil-gżejjer tagħna, li kien diġà qed juri progress madwar id-dinja.  Għalhekk taħt il-mexxej Malti, Sigimondo Savona, li kien fil-partit Riformista, daħħlu l-Malti fl-iskejjel tal-Gvern bil-ħsieb li jdaħħlu l-Ingliż miegħu.

Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, il-popli tal-Ewropa reġgħu bdew jingħaqdu u għalhekk l-Ingliż beda jieħu xejra Internazzjonali.

F’Malta, l-Ingliż mexa ħafna u kellu l-influwenza tiegħu fuq il-Malti.  Wara l-1934, meta l-Malti sar uffiċjalmenti l-ilsien nazzjonali tagħna, l-Ingliż daħal bħala l-ilsien uffiċjali ta’ pajjiżna.  Beda jintuża fl-amministrazzjonijiet kollha: fl-iskejjel, fid-dipartimenti u l-uffiċini tal-Gvern.

Bejn il-binja tal-malti u dik tal-Ingliż, nistgħu ngħidu li m’hemm xejn komuni.  Iżda xorta waħda rnexxielna nfasslu kliem Ingliż biex dan joqgħod eżatt fil-vokabularju tagħna.  Hekk insibu:
Malti
Ingliż
kitla
kettle
kejk
cake
kompjuter
computer
futbol
football
kowċ
coach
tim
team

Ninnutaw ukoll li ċertu kliem li ġej mill-Ingliż ħa l-plural Malti:
Singular
Plural
krejn
krejnijiet
sett
settijiet
tank
tankijiet
ċans
ċansijiet

Għandna wkoll xi verbi:
*      nissetilja
*      nipparkja
*      naffaċja

Irridu ngħidu li l-Ingliż ma daħalx biss f’Malta u f’pajjiżi maħkuma minn din il-kolonja, imma wkoll f’pajjiżi fejn qatt qabel ma kienu tgħallmu din il-lingwa.  Bdew jinħolqu għaqdiet internazzjonali bħal Commonwealth, il-Ġnus Magħquda, il-UNESCO, il-UNICEF u oħrajn.  Minħabba f’hekk, kien hemm bżonn ta’ lingwa komuni għal nies ta’ ilsna differenti.

F’Malta għandna għax inħossuna xxurtjati li konna minn tal-ewwel li ksibna dan l-ilsien.  Illum dan iservina biex permezz tiegħu nikkomunikaw ma’ popli oħrajn li jiġu f’pajjiżna jew li aħna mmorru f’tagħhom.




Lingwa li qiegħda tinbidel


It-tfassil ta' alfabett wieħed għall-Maltin kollha ħa madwar mitejn sena sakemm żviluppa bejn l-1750 u l-1956.  Mill-kotba u ġurnali stampati nafu li l-Malti qatt ma nkiteb b'alfabett Għarbi, imma b'alfabett Latin, ħlief xi tikek, aċċenti u xi sing, illi xi wħud minnhom għadna nużawhom sal-lum.

Ftit snin ilu, il-Professur Wettinger, flimkien ma' Patri Fsadni O.P., sabu kitba bil-Malti magħrufa bħala l-Kantilena.  B'hekk dawn iż-żewġ persuni fetħulna t-triq ta' kif naħsbu li kienet il-lingwa Maltija sa mill-ewwel oriġini tagħha.

Iżda minn dak iż-żmien 'l hawn, il-Malti nbidel mhux ħażin.  Fejn qabel konna nsibu ħafna kliem Semitiku, issa ninnutaw li dan naqas u minfloku daħal kliem Rumanz u Ingliż.  Naturalment, fil-bliet kien aktar faċli għall-ilsien Malti li jieħu sura oħra.  Fl-irħula, il-Malti baqa' x'aktarx Semitiku, marbut ma' ħajja sempliċi u agrikola.

Fi żmien il-Kavallieri, li bnew il-Belt Valletta fl-1566 bl-għajnuna tal-Maltin, insibu li ħafna nies bdew iħallu l-irħula tagħhom u jmorru joqogħdu fil-bliet.  Dawn bdew jindunaw bil-bidla tal-Malti fil-bliet u, bil-mod il-mod huma wkoll irnexxielhom jilħqu dan l-istandard.

L-ewwel grammatika serja tal-Malti kitibha Vassalli, l-ewwel bil-Latin, imbagħad bit-Taljan.  It-tieni grammatika kitibha l-Kanonku Panzavecchia u wara li nkitbet dik ta' Sutcliffe, inħarġet oħra aktar serja ta' Ninu Cremona b'edizzjoni qasira għat-tfal.

L-aktar djaletti u vokabularju qodma baqgħu jinżammu mill-ġenerazzjoni adulta.  Sa ftit żmien ilu, konna nsibu ħafna anzjani li jużaw ħafna vokabularju Semitiku, imżewwaq b'xi qawl jew idjoma.  Ħafna minn dawn il-qwiel u idjomi qegħdin jinqatgħu mill-ġenerazzjoni żagħżugħa u qed jibqgħu biss memorja fil-kotba tagħna.

Tassew li l-Malti, bħall-ilsna l-oħra, għandu qawwa interna li żammitu ħaj għal mijiet ta' snin, meta ħadd ma kien ħa ħsiebu.  L-istorja twila ta' din iċ-ċiviltà sawret il-Malti kif nitkellmuh illum.



Il-Bilingwiżmu


X’inhu l-Bilingwiżmu?

Kull bniedem li jitwieled normali għandi l-ħila li jitgħallem il-lingwa materna tiegħu b’mod naturali.  Meta mbagħad jibda jmur l-iskola, jibda jitgħallem aktar il-lingwa ta’ pajjiżu, u forsi xi lingwi oħra wkoll (fil-każ tal-Maltin, jibdew jitgħallmu l-Ingliż).  Meta wieħed jitgħallem żewġ ilsna flimkien, ngħidu li hemm il-Bilingwiżmu.

Illum il-ġurnata mn’alla li għandna l-Ingliż ukoll għax kieku kellna l-Malti biss konna nkunu maqtugħin mill-bqija tad-dinja.  Illum kulħadd jitgħallem l-Ingliż, li sar it-tieni lingwa tagħna, u permezz tiegħu nistgħu nikkomunikaw mal-bqija tad-dinja.