21/01/2016

Esperjenza li nibqa' niftakarha (komponiment)

Chris Frendo - Klassi 5.1 - 2015/16




Kien xi ħin wara nofsinhar iżda aħna konna tlifna r-rekord tal-ħin fil-kamra kiesħa u umduża. It-twieqi kienu msakkra minn barra. L-arja kienet tqila. Il-ħajt kien qiegħed jgħid, “Dan hu l-aħħar” fl-aħmar.

Kien hemm bieb imsaddad bl-imsiemer ħirġin 'il barra minnu, bid-demm iċarċar minn magħhom. Kollha konna qegħdin nistennew fil-biża’, imwerwrin bil-ħsieb ta’ x’seta’ ġara lill-oħrajn.

Hu kien ġie. Kien liebes tip ta’ korazza Ġappuniża b’maskra ta’ dimonju fuq wiċċu. Kellu leħnu oħxon, kien jirbombja mal-kurituri kollha u jtambar f’kull widna ta’ kull wieħed u waħda minna.

Kull darba li kien jiġi kien jieħu miegħu wieħed minna. Wara li kien jieħdu konna nisimgħu bosta għajjat ta’ tortura u fl-aħħar għajta kbira ta’ wġigħ u mistrieħ, li kienet timla l-kmamar b’tensjoni iktar minn ta’ qabilha.

Fil-bidu konna tmienja, imbagħad inqasna għal tnejn, jien u raġel Amerikan li kien jismu Ode. Wiċċu ma kienx jidher imbeżża’ iżda għajnejh kienu jixhdu mod ieħor. Ode, jien, u s-sitta l-oħra konna grupp ta’ arkeologi nfittxu għall-belt antika u minsija ta’ Jamataj. Kellha tkun belt mimlija storja u avventura iżda minflok sibna tortura u mewt.


Qabel ma ġejna maqbuda sibna ċertu sinjali li ġegħluna nemmnu li n-nies li jabitaw din il-gżira huma parti minn kultura li jaduraw lill-alla xemx li jisimha Ħimiko. Dawn l-abitanti jsejħu lilhom infushom ‘għassiesa tal-maltemp’. Huma jipproteġu 'l alla tagħhom minn dak kollu li huwa ta’ ħsara jew ‘maltemp’ għall-Ħimiko bħalma mid-dehra aħna aħna.

Issa sibt ruħi nikteb il-kliem aħħarin tiegħi f’kamra oħra, din id-darba mdawwar b’magni ta’ tortura, l-istess magni li ġew użati fuq sħabi ftit mumenti ilu. Fil-kantuniera hemm l-iġsma mqattgħin tagħhom u hemm il-ġrieden jieklu minnhom.

Fil-ġenb tiegħi hawn ras bla forma li waqgħat mill-quċċata tal-gozz u ħalliet traċċa ta’ demm u materja warajha.

Din li suppost kellha tkun ġrajja t’avventura u skoperti nbidlet f’waħda ta’ biża’ u traġedji. Għalkemm moħħi mhux ħa jibqa’ jiftakar minn xiex għaddejt u minn xiex għad fadalli ngħaddi, din il-ġrajja ħa nibqa’ niftakarha, jew aħjar ħa tibqa’ taħkimni, fil-ħajja eterna.

No comments:

Post a Comment