21/01/2016

Esperjenza li nibqa’ niftakarha (komponiment)

Sheldon Micallef - Klassi 5.1 - 2015/16




Ix-xita kienet nieżla bil-qliel, donnha kienet xebgħet iżżomm dak l-ilma kollu f’sorritha. Kont qed nittawwal u ngħarrex ‘l hawn u ‘l hinn mit-tieqa. Barra kien hemm għadajjar kbar tal-ilma u l-baħħ kien qed jirrenja. Min jiftillu joħroġ f’maltemp bħal dak?

“Din kif ma fetħitx dalgħodu?” lissint minn taħt l-ilsien. “Mhux soltu tagħha.” Katrin tal-pastizzi kienet toħroġ tfekren fl-erbgħa ta’ filgħodu mid-dar biex tiftaħ il-ħanut. Saħansitra anke meta għerqu t-toroq u ċ-ċimiterju fetħet il-ħanut. Ma kinitx qed iddoqqli din il-biċċa. Wara ftit għalaqt il-purtelli, ħosbien. Mort fil-kċina u ħadt belgħa ilma. Ħin bla waqt xiddejt ġakketta fuqi, ġbidt umbrella minn wara l-bieb u rħejtilha għal għand Katrin. Ix-xita kienet donnha żdiedet iżda xorta ma biddlitx fehmti.


Tlaqt niġri qisni żiemel tat-trott. Kelli niġri qatigħ biex nipprova ma nixxarrabx, għalkemm kelli l-umbrella. Bdejt inċaflas u ntajjar l-ilma li kien hemm u l-kalzetti kienu diġà saru għasra. Iżda wara ftit wasalt fit-triq ta’ Katrin. Biswit id-dar kien hemm sabi ċkejken u gustuż bil-basket tal-iskola. Jien ersaqt aktar viċin. Sadattant ix-xita kienet kważi waqfet kompletament. Hu kien qed iħabbat il-bieb. Mort ħdejh u staqsejtu x’kien qed jagħmel. Qalli li Katrin kienet in-nanna tiegħu u li kien għadda qabel l-iskola biex tarah ftit. Iżda għalkemm ħabbat qatigħ xorta Katrin ma xirfitx minn wara l-bieb.

Wara ftit iddeċidejt li nipprova niftaħ il-bieb. Kieku kien jitkellem żgur li kien jgħajjat u jwaħwaħ daqskemm tajtu b’ġebel. Iżda ma nfetaħx. Iddeċidejt li nċempel lill-pulizija biex naraw x’kien sar minnha Katrin. It-tifel beda jnewwaħ u jibki iżda jien sabbartu kemm stajt. F’radda ta’ salib il-pulizija waslu u fetħu l-bieb. Dħalna flimkien u lmaħna lil Katrin mixħuta fl-art. Wara ftit il-pulizija ċemplu għall-ambulanza.


Issa għaddew ġimagħtejn mill-inċident. Katrin qed tirkupra sewwa u jien kważi kuljum immur naraha l-isptar, ngħaddi ftit tal-ħin inpaċpaċ magħha. Hija tkellimni fuq diversi stejjer u praspar li kienet tagħmel fl-imgħoddi. Waqt li tkun qed titkellem, nibda naħseb u nħoss sodisfazzjon kbir talli salvajtilha ħajjitha.

2 comments:

  1. Malti sabih u mirqum b'mod original u kreattiv. Prosit tassew!

    ReplyDelete
  2. Malti sabih u mirqum b'mod original u kreattiv. Prosit tassew!

    ReplyDelete