21/01/2016

Esperjenza li nibqa' niftakarha (komponiment)

Chris Frendo - Klassi 5.1 - 2015/16




Kien xi ħin wara nofsinhar iżda aħna konna tlifna r-rekord tal-ħin fil-kamra kiesħa u umduża. It-twieqi kienu msakkra minn barra. L-arja kienet tqila. Il-ħajt kien qiegħed jgħid, “Dan hu l-aħħar” fl-aħmar.

Kien hemm bieb imsaddad bl-imsiemer ħirġin 'il barra minnu, bid-demm iċarċar minn magħhom. Kollha konna qegħdin nistennew fil-biża’, imwerwrin bil-ħsieb ta’ x’seta’ ġara lill-oħrajn.

Hu kien ġie. Kien liebes tip ta’ korazza Ġappuniża b’maskra ta’ dimonju fuq wiċċu. Kellu leħnu oħxon, kien jirbombja mal-kurituri kollha u jtambar f’kull widna ta’ kull wieħed u waħda minna.

Kull darba li kien jiġi kien jieħu miegħu wieħed minna. Wara li kien jieħdu konna nisimgħu bosta għajjat ta’ tortura u fl-aħħar għajta kbira ta’ wġigħ u mistrieħ, li kienet timla l-kmamar b’tensjoni iktar minn ta’ qabilha.

Fil-bidu konna tmienja, imbagħad inqasna għal tnejn, jien u raġel Amerikan li kien jismu Ode. Wiċċu ma kienx jidher imbeżża’ iżda għajnejh kienu jixhdu mod ieħor. Ode, jien, u s-sitta l-oħra konna grupp ta’ arkeologi nfittxu għall-belt antika u minsija ta’ Jamataj. Kellha tkun belt mimlija storja u avventura iżda minflok sibna tortura u mewt.


Qabel ma ġejna maqbuda sibna ċertu sinjali li ġegħluna nemmnu li n-nies li jabitaw din il-gżira huma parti minn kultura li jaduraw lill-alla xemx li jisimha Ħimiko. Dawn l-abitanti jsejħu lilhom infushom ‘għassiesa tal-maltemp’. Huma jipproteġu 'l alla tagħhom minn dak kollu li huwa ta’ ħsara jew ‘maltemp’ għall-Ħimiko bħalma mid-dehra aħna aħna.

Issa sibt ruħi nikteb il-kliem aħħarin tiegħi f’kamra oħra, din id-darba mdawwar b’magni ta’ tortura, l-istess magni li ġew użati fuq sħabi ftit mumenti ilu. Fil-kantuniera hemm l-iġsma mqattgħin tagħhom u hemm il-ġrieden jieklu minnhom.

Fil-ġenb tiegħi hawn ras bla forma li waqgħat mill-quċċata tal-gozz u ħalliet traċċa ta’ demm u materja warajha.

Din li suppost kellha tkun ġrajja t’avventura u skoperti nbidlet f’waħda ta’ biża’ u traġedji. Għalkemm moħħi mhux ħa jibqa’ jiftakar minn xiex għaddejt u minn xiex għad fadalli ngħaddi, din il-ġrajja ħa nibqa’ niftakarha, jew aħjar ħa tibqa’ taħkimni, fil-ħajja eterna.

Il-mowbajl ngħaddu mingħajru? (komponiment)

Nicolai Bugeja - Klassi 5.1 - 2015/16





Illum il-ġurnata lkoll nafu x’avvanz qed tagħmel it-teknoloġija. Ġabet id-dinja qisha villaġġ globali wieħed, fejn wieħed jistà jilħaqha f’ħakka t’għajn. Riċerki riċenti juru kemm tfal ta’ sebà snin diġà jkollhom il-mowbajl personali tagħhom. Kemm jiena u kemm inti għandna l-mowbajl tagħna però, kemm verament għandna bżonnu?

Il-mowbajl beda triqtu fl-1800 mir-Revoluzzjoni Industrijali fejn evolva ftit ftit. Il-mowbajl huwa sepliċiment dinja, ġewwa ċippa zgħira. Araw x’avvanz! Però nistgħu ngħaddu mingħajru? Il-mowbajl fil-ħajja mgħaġġla tal-lum jistà jkun li għandna bżonnu, ħafna jgħidu li hu utli immens. Fil-fatt permezz ta’ batterija ċċarġjata tista’ tilħaq lil kulħadd fejn trid u meta trid! Qiegħed barra u trid tagħmel telefonata urġenti? Mhux ovvja li l-mowbajl trid tuza. Jew inkella trid li jkollok l-avvenimenti kollha tal-ġimgħa, fi programm? Mhux bilfors il-mowbajl trid tuza! Allura kif nistgħu ngħaddu mingħajru?!

L-organizzazzjoni dinjija tas-saħħa ppubblikat riċerka fejn turi li 74% ta’ kazijiet urġenti ta’ bejn ħajja u mewt ġew salvati minn xi ħadd fil-viċin li għamel uzu mill-mowbajl! Fil-fatt il-prezzijiet tal-mowbajls naqsu bejn 25% u 30% sabiex kulħadd ikun jistà jkollu wieħed! B’sempliċiment buttuna tistà tikkomunika ma’ min trid. Però mhux kulħadd jaħsibha hekk. Hemm min jistqarr li kapaċi jgħaddi mingħajru mowbajl, imma għaliex?

Bħal ma nafu l-ispejjez fuq il-mowbajl ma jiqfux hekk kif toħroġ bil-mowbajl mingħand tal-ħanut. Gimgħa wara ġimgħa, trid tagħmillu l-flus, uzu ta’elettriku trid tagħmel ukoll u xi aċċessorji sabiex issebbħu tkun tridhom ukoll. Dawn mhux kollha flus fil-ħela? Mhux biss flus izda ħin ukoll, u dan għaliex? Kemm verament nuzawh kif suppost il-mowbajl? U kemm se niltaqgħu m’okkażjonijiet urġenti? F’Malta, daqsxejn ta’pajjiz Ewropew qiegħed il-quċċata mit-tmienja u għoxrin pajjiz li jikkunsmaw l-aktar mowbajls. Ħafna drabi n-nies li għandna fil-mowbajl , ta’spiss narawhom wiċċ imb wiċċ!

Hawnhekk għadna kif rajna z-zewġ uċuħ tal-munita. Iz-zewġ estremi. Però naħseb li lkoll naqblu li tfal zgħar m’ għandhomx bzonnu. Però ejja nieħdu t-triq tan-nofs, m’hemmx bzonn nixtru mowbajl ta’ 800 ewro fejn nistgħu ngħaddu b’ wieħed ta’ mija. Parir wieħed intik, jekk bħalissa, inti u taqra daqqlek il-mowbajl, ħares lejh u saqsi lilek innifsek, “Il-mowbajl ngħaddi mingħajru?”

Esperjenza li nibqa’ niftakarha (komponiment)

Sheldon Micallef - Klassi 5.1 - 2015/16




Ix-xita kienet nieżla bil-qliel, donnha kienet xebgħet iżżomm dak l-ilma kollu f’sorritha. Kont qed nittawwal u ngħarrex ‘l hawn u ‘l hinn mit-tieqa. Barra kien hemm għadajjar kbar tal-ilma u l-baħħ kien qed jirrenja. Min jiftillu joħroġ f’maltemp bħal dak?

“Din kif ma fetħitx dalgħodu?” lissint minn taħt l-ilsien. “Mhux soltu tagħha.” Katrin tal-pastizzi kienet toħroġ tfekren fl-erbgħa ta’ filgħodu mid-dar biex tiftaħ il-ħanut. Saħansitra anke meta għerqu t-toroq u ċ-ċimiterju fetħet il-ħanut. Ma kinitx qed iddoqqli din il-biċċa. Wara ftit għalaqt il-purtelli, ħosbien. Mort fil-kċina u ħadt belgħa ilma. Ħin bla waqt xiddejt ġakketta fuqi, ġbidt umbrella minn wara l-bieb u rħejtilha għal għand Katrin. Ix-xita kienet donnha żdiedet iżda xorta ma biddlitx fehmti.


Tlaqt niġri qisni żiemel tat-trott. Kelli niġri qatigħ biex nipprova ma nixxarrabx, għalkemm kelli l-umbrella. Bdejt inċaflas u ntajjar l-ilma li kien hemm u l-kalzetti kienu diġà saru għasra. Iżda wara ftit wasalt fit-triq ta’ Katrin. Biswit id-dar kien hemm sabi ċkejken u gustuż bil-basket tal-iskola. Jien ersaqt aktar viċin. Sadattant ix-xita kienet kważi waqfet kompletament. Hu kien qed iħabbat il-bieb. Mort ħdejh u staqsejtu x’kien qed jagħmel. Qalli li Katrin kienet in-nanna tiegħu u li kien għadda qabel l-iskola biex tarah ftit. Iżda għalkemm ħabbat qatigħ xorta Katrin ma xirfitx minn wara l-bieb.

Wara ftit iddeċidejt li nipprova niftaħ il-bieb. Kieku kien jitkellem żgur li kien jgħajjat u jwaħwaħ daqskemm tajtu b’ġebel. Iżda ma nfetaħx. Iddeċidejt li nċempel lill-pulizija biex naraw x’kien sar minnha Katrin. It-tifel beda jnewwaħ u jibki iżda jien sabbartu kemm stajt. F’radda ta’ salib il-pulizija waslu u fetħu l-bieb. Dħalna flimkien u lmaħna lil Katrin mixħuta fl-art. Wara ftit il-pulizija ċemplu għall-ambulanza.


Issa għaddew ġimagħtejn mill-inċident. Katrin qed tirkupra sewwa u jien kważi kuljum immur naraha l-isptar, ngħaddi ftit tal-ħin inpaċpaċ magħha. Hija tkellimni fuq diversi stejjer u praspar li kienet tagħmel fl-imgħoddi. Waqt li tkun qed titkellem, nibda naħseb u nħoss sodisfazzjon kbir talli salvajtilha ħajjitha.