Aqrali xi ħaġa ġdida, qaltilha
F’din in-novella Clare Azzopardi tiftaħ bi stil deskrittiv u riflessiv (permezz tal-mistoqsijiet) fejn naraw lil Lina tifli s-sigriet li sabet moħbi taħt il-madum tal-kċina għal 45 sena u tirrifletti. Wara, permezz tat-teknika tal-analessi (flashback) teħodna lura għat-twelid ta’ Lina, 10 xhur wara ż-żwieġ ta’ Stella u Maurice, fejn narawha titwieled litteralment ġol-kotba u l-karti. Missierha kellu ħanut tal-kotba u fejnu kellu dar żgħira li taħtha kellu stamperija u b’hekk, Lina, minn età żgħira, trabbiet fil-kotba b’ommha taqralha s-siltiet mill-kotba li se jippubblikaw, filwaqt li missierha jeħodha għal-laqgħat tiegħu mal-kittieba. U xħin kibret tatha b’ruħha u ġisimha għall-kotba tant li biż-żmien ħadet taħt idejha mhux biss il-ħanut iżda wkoll l-istamperija. Iżda l-unika ħaġa li dejjem dejqitha kienet li missierha manuskritti miktuba min-nisa ma kienx jikkalkulahom, u mid-diskursata fid-diskors dirett li nsibu f’nofs din l-istorja, naraw l-ideat progressivi ta’ Lina, fejn xtaqet iddaħħal demm ġdid fid-dar tal-pubblikazzjoni tagħhom. Iżda missierha dejjem oppona u mill-aħħar sentenza tad-djalogu naraw li ommha qatt ma kienet tintervjeni biex din il-mentalità tinbidel: “Inti, ma, int qatt ma titkellem f’mumenti bħal dawn?” Iżda meta ommha mardet issorprendiet lil kulħadd. Mir-rakkonti tagħha taż-żmien ta’ wara l-gwerra, bil-mod il-mod bdiet issemmi l-manuskritti tan-nisa sa ma fl-aħħar qaltilha “aqrali xi ħaġa ġdida” u rreferietha għall-manuskritt li kien hemm moħbi fil-kċina, b’poeżiji jew novelli kollha miktuba minn nisa differenti, li Stella stess ġabret bil-moħbi ta’ żewġha. Għal 45 ġurnata qraw storja jew poeżija kuljum u mal-aħħar jum mietet. Ftit wara telaq ukoll missierha u naraw lil Lina tiftaħ il-ħanut mill-ġdid b’ideat progressivi fejn narawha ddeterminata li ġġib bidla. F’din in-novella naraw kuntrast bejn il-missier li huwa tradizzjonali, u l-bint li hija progressiva u trid timxi maż-żminijiet. Naraw ir-rispett li kien hemm bejn Lina u l-familja tagħha għax minkejja li ommha wkoll kienet progressiva, diment li l-missier baqa’ ħaj, Lina xorta żammet man-normi tiegħu.
Il-Koranta
F’din in-novella, Oliver Friggieri jagħtina deskrizzjoni ta’ Anjeżi, mara mlaqqma l-Koranta, xebba ta’ fuq l-erbgħin sena, bieżla u tal-affari tagħha li laqamha kien jafu kulħadd. Ix-xewqa ta’ din il-mara kienet li ssib raġel li jiżżewwiġha u għalhekk spiss kienet titlob lil San Ġużepp: “San Ġużepp, inti tista’ ħafna quddiem Alla sibli raġel li jħobbni…” Mid-deskrizzjoni li jagħtina l-awtur nindunaw li din il-mara kienet mistħija u għalhekk ma kinitx tfittex il-folol biex issib raġel. Iżda kultant xortiha aktar kienet tagħtiha mill-agħar għax it-tfal tar-raħal spiss kienu jaqbdu magħha u jipprovaw iwaqqgħuha għaċ-ċajt mingħajr ma ħadd iwaqqafhom. In-nies tar-raħal ukoll ġieli warrbuha u ppruvaw jgħadduha biż-żmien. Iżda fl-aħħar ix-xorti messitha wkoll għax fit-triq tagħhom tfaċċa Indrì, bejjiegħ fuq il-ħamsin li l-Koranta qisitu l-”mibgħut minn San Ġużepp”. U wara ftit taż-żmien dawn iddeċidew li jiżżewġu.
Għal darb’oħra l-folla ma ħallithiex bi kwietha għax malli tfaċċat quddiem il-knisja tfaċċat ġemgħa li bdiet tgħajjat “Koranta, Koranta!” Ta’ xejn ħareġ il-kappillan iwiddeb il-folla għaliex il-Koranta kellha tgħaddi mill-bieb iż-żgħir tas-sagristija u tiżżewweġ hemm mingħajr ma tgawdi dak kollu li kien ippreparat għaliha ġol-knisja, fosthom it-tapit l-aħmar, il-ġinokkjatur u l-fjuri. Għalkemm il-mara għaddiet minn dan kollu, Indrì, ta’ raġel li kien, xorta serrħilha rasha u qalilha “Anjeżi, jiena nħobbok xorta waħda.”
L-għeluq, b’San Ġużepp jibki bla ħoss, huwa wieħed li jġegħelna nirriflettu fuq l-aġir tagħna mal-proxxmu. Tul in-novella, l-awtur jinqeda bl-istil deskrittiv u narrattiv biex jurina minn liema tbatija kultant jgħaddu ċertu nies minħabba nuqqas ta’ rispett minn ta’ madwarhom. Min-naħa l-oħra l-individwu li jgħaddi minn episodji simili ma jridx jaqta’ qalbu iżda jkompli jikkombatti kontra l-kurrent, biex xi darba jasal fejn irid.
Ittri lil Marta
F’dan ir-rakkont il-kittieb jinqeda bis-sengħa tal-kitba biex iżommna fuq ix-xwiek sal-aħħar sekonda u għal ftit iġegħelna nħossu dak li ħasset il-karattru prinċipali. Marta, bdiet tirċievi ittri mhux iffirmati, fejn żagħżugħ li ma setgħetx tagħraf min hu, kien jiddeskrivilha lilu nnifsu u l-gosti tiegħu iżda qatt ma qalilha xejn dwar l-imħabba. Iżda ’l quddiem l-istil ta’ kitba tiegħu nbidel u f’kull ittra beda jidher il-messaġġ “Marta qed inpinġik.” Għall-bidu nħasdet għax il-kittieb anonimu kien jaf isimha wkoll. Mill-mistoqsijiet li jsegwu fis-silta, mill-ewwel nindunaw li din l-ittra qanqlitilha ħafna kurżità u dubji. Xħin bdiet tirċievi l-istess messaġġi, il-misteru kompla jikber, bdiet tħoss sens ta’ monotonija (dejjem l-istess) u fl-istess ħin bdiet tibża’ wkoll. Iżda meta rċeviet l-ittra Express l-istorja tal-soltu nbidlet għax irċeviet li l-kwadru lest u l-istruzzjonijiet fejn għandha tmur tarah. L-għada, xħin marret fuq il-post, sabet tifla li ħaditha tara dan l-inkwatru. B’sorpriża kbira rat lilha nnifisha fl-inkwatru, tistenna lil tal-posta fil-bieb, u bħalma kien jiġri lil-linka tal-ittra, il-pittura bdiet titlef il-kulur sakemm sparixxa għal kollox. Hawn Marta nkisret, u xħin daret fuq it-tifla li safrattant kienet sparixxiet, bdiet tolfoq u telqet lejn darha bit-tama li jisbaħ l-għada u jitfaċċa tal-posta. Iżda l-għada, xħin rat lil tal-posta, indunat li dan ma kienx l-istess wieħed tas-soltu u xħin staqsiet għalih qalilha li dak kien siefer u mhux ser jerġa’ jiġi. Ħallielha ittra, li hekk kif bdiet taqraha l-linka bdiet titħassar u qrat biss “Għażiża Marta”.
F’dan ir-rakkont misterjuż, Friggieri jinqeda b’deskrizzjonijiet dettaljati, użu tal-aġġettiv u l-punteġġjatura biex jgħinna nimmaġinaw dak li qed jiġi deskritt: “pittur ta’ tlieta u għoxrin sena, ismar, twil u b’ħarsa ta’ swied il-qalb f’għajnejh żoroq”. Barra minn hekk, lejn l-aħħar, jinqeda wkoll bil-kuntrast bejn il-pustier l-antik u l-ġdid. Juża wkoll l-interrogazzjoni biex iġibna konxji kemm jinħolqu dubji meta xi persuna tinqeda bis-sentimenti tagħna, biex fl-aħħar Marta spiċċat “tibki u tolfoq”.
Ix-Xini Jimxi fl-Art
Manwel Magri kien wieħed mill-pijunieri li ħadem għall-folklor Malti speċjalment bil-ġbir ta’ ħafna ħrejjef kif ukoll qwiel. Ninnutaw l-użu kontinwu tal-kliem ta’ nisel Semitiku u ċertu kliem li llum ftit nużaw jew inqata’ għal kollox. Ix-Xini Jimxi fl-Art hija ħrafa li fiha s-sultan għamel avviż li min jagħmel xini jimxi fl-art iżewwiġlu t-tifla tiegħu. Tliet aħwa, wieħed wara l-ieħor, ittantaw xortihom. L-ewwel wieħed u t-tieni li ltaqgħu max-xwejħa u ma tawhiex ħobż spiċċaw lura d-dar, wieħed driegħu miksur u l-ieħor b’siequ miksura, filwaqt li t-tielet wieħed ta’ “ħalq ħobż” lix-xiħa, berkitu u qaltlu: “ibni, nirrak l-ewwel daqqa li tagħti bir-rixa fuq is-siġra joħroġ minnha xini jimxi fl-art”. U hekk kien għax mal-ewwel siġra għamel ix-xini kif kien mistenni u xħin rah mifxul, raġel xwejjaħ rikeb miegħu biex jidderiġih u bdew jgħabbu n-nies biex jgħaqqdu l-baħrin. Rikkeb raġel jixrob ħafna, raġel jaqta’ l-ġebel u jitgħabba, raġel jiġri immens, ieħor jaf x’isir fid-dinja, ieħor jispara bl-eżatt u raġel li jikkontrolla lit-temp. B’sitt baħrin waslu fejn is-sultan u x-xiħ qallu li ġew biex iżewġulu lit-tifla. Dan irrifjuta u liż-żagħżugħ ivvintalu missjonijiet ġodda xi jsolvi.
L-ewwel problema solvieha l-ewwel baħri għax xorob l-inbid kollu tas-sultan; it-tieni ostaklu solvieh it-tieni baħri għax refagħlu d-deheb kollu. Bit-tielet missjoni, it-tielet baħri, dak li jiġri ħafna, safa mqarraq mit-tifla u raqad. Hekk kif kienet qed toqrob lejn is-sultan u l-missjoni kienet ser tisfaxxa, ix-xwejjaħ induna, għajjat lir-raba’ baħri u qalilhom li seħibhom kien rieqed ħdejn l-għajn u b’hekk ix-xwejjaħ qabbad lill-ħames baħri jisparalu ġebla u jqajmu. B’hekk il-missjoni ġiet kompluta wkoll. Xħin is-sultan induna li l-missjonijiet kollha kienu lesti, ordna li dan il-ġuvnott joqtluh il-baħrin tiegħu stess. Ix-xwejjaħ talbu biex joqtluh ’il barra u s-sultan aċċetta iżda mar personalment bl-armata biex jara l-eżekuzzjoni. Iżda hekk kif kienet ser issir l-eżekuzzjoni, ix-xwejjaħ ordna lill-aħħar baħri biex jinqaleb wiċċu ’l isfel u dritt waqgħet dalma kbira. Il-baħrin daru għas-sultan u qatluh. Xħin ir-raġel tat-temp ġie ordnat biex jinqaleb żaqqu ’l fuq, tfaċċa temp sabiħ u liż-żagħżugħ tax-xini daħħluh lura l-art u tawh dak li ħadem għalih.
Jacqueline
F’din in-novella, il-kittieb żagħżugħ Għawdxi, Pierre Mejlak, jiddeskrivilna lil Mario, il-protagonista, ġuvni ta’ 27 sena, li jiltaqa’ mat-tfajla tiegħu biex imorru jieklu f’restorant, iżda wara theddida ta’ bomba jispiċċaw fil-karozza tal-ġuvni jieklu l-pastizzi u jixorbu l-Kinnie, filwaqt li jsegwu dak li qed jiġri quddiemhom. It-tfajliet kienu jogħġbuh iżda xtaq tfajla sempliċi li tikkuntenta b’affarijiet żgħar u komuni. Darba, meta ltaqa’ ma’ Jacqueline u tbissmitlu, ħass qalbu tagħmel tikk għax irrealizza li “għall-ewwel darba f’ħajtu donnu kien hemm xi ħadd li wera ħajta interess fih”. Iżda, bħala ġuvni li kienu donnu rrassenjat li ma jiżżewwiġx, ħaseb li forsi ħasbitu xi ħadd ieħor. Id-drabi ta’ wara li ratu kkonfermatlu li kien imqarraq iżda xħin Jacqueline stednitu biex imorru jieħdu pizza ħasditu. Fil-fatt wara din l-istedina, li hu bil-fixla aċċetta, qagħad jirrifletti u nduna li kien se jitlef id-Derby tal-Madonnina u li se ssirlu l-ħsara għax kien allerġiku għat-tadam. Hawn naraw lil Mario jistaqsi ħafna mistoqsijiet lilu nnifsu iżda fl-aħħar ikkonkluda li jaffaċċja r-realtà, jinsa d-Derby u jmur jiċċekkja l-menu ta’ Angelito tar-restorant. Meta mar quddiem ir-restorant u għadda minn quddiem il-vann tal-pastizzi, xamm ir-riħa tagħhom u ftakar fis-sempliċità li dejjem ixxennaq għaliha “u f’dak il-mument preċiż għaddielu ħsieb”.
Il-kittieb jinqeda b’rakkont biex jurina l-ewwel ftit passi fil-bidu ta’ relazzjoni partikolari. Kulħadd ikollu persuna ideali f’moħħu, iżda xħin insibu l-persuna li togħġobna mhix se tkun replika perfetta tal-ideal li jkollna. Naraw xenarju tipiku Malti bil-BOV, bil-Kinnie u bil-pastizzi. Deskrizzjonijiet bħal “ir-riħa tal-pastizzi”, “boroż tal-karti jħaxwxu”, “tilari suwed fuq xulxin” u “sħana ħierġa mill-forn” huma deskrizzjonijiet li jqanqlulna s-sensi tagħna.
L-għeluq tas-silta jħallina nirriflettu x’għandu f’moħħu Mario: x’se jagħmel? Jerħilha? Ma jmur xejn? It-tweġiba għal dawn tinsab fl-ewwel parti tan-narrazzjoni fejn naraw li Mario jispiċċa jiekol il-pastizzi mas-sieħba fil-karozza!
(Noti meħudin minn Suċċessinu 2, b'adattament ta' xi biċċiet.)
No comments:
Post a Comment