F’Malta u Għawdex għandna aktar minn elf speċi ta’ pjanta. Daqs nofshom huma ‘indiġeni’, jiġifieri minn
dejjem kienu jinstabu Malta, u madwar għoxrin li huma ‘endemiċi’, jiġifieri ma
jikbru mkien aktar fid-dinja.
L-aktar pjanta endemika magħrufa hija Widnet il-Baħar, il-pjanta nazzjonali
ta’ Malta. Il-pjanti selvaġġi huma
importanti ħafna għax il-ħxejjex ikkultivati kollha li nieklu, bħall-kaboċċi,
l-ispinaċi, il-patata u l-basal, huma ġejjin minnhom. Ħafna speċi għandhom ukoll valur mediċinali.
Il-pjanti li nsibu fil-gżejjer Maltin jiffurmaw parti
minn ċiklu marbut mat-temp u l-klima Mediterranja. Is-sajf hu żmien diffiċli minħabba n-nuqqas
ta’ ilma. Ħafna pjanti li naraw matul
ix-xitwa u r-rebbiegħa jmutu fis-sajf, imma jħallu warajhom iż-żerriegħa li
malli terġa’ tibda tagħmel ix-xita jibdew ċiklu ġdid. Oħrajn, bħan-narċis u ż-żagħfran salvaġġ, ma
jmutux għalkollox għax iħallu warajhom basal, tuberi jew riżomi li malli jħossu
x-xita jibdew inebbtu u jikbru, ħafna minn dawn jagħmlu l-fjuri fil-ħarifa,
ftit wara l-ewwel xita tal-istaġun.
Hemm pjanti, bħas-sagħtar, li huma addattati biex jibqgħu
ħajjin anke matul is-sajf. Ħafna minnhom
għandhom weraq żgħar li ħafna drabi jkun miksi b’materjal qisu xemgħa. Dan il-materjal jipprova ma jħallix ilma
jintilef mill-weraq.
Qabel ma tibda dieħla x-xitwa nkunu nistgħu nilmħu varjetà ta’ pjanti, fosthom in-narċis u l-ġarġir, kif ukoll il-lellux li lkoll huma parti mill-ambjent naturali Malti
No comments:
Post a Comment