11/03/2013

Aktar minn elf pjanta! (informazzjoni)



F’Malta u Għawdex għandna aktar minn elf speċi ta’ pjanta.  Daqs nofshom huma ‘indiġeni’, jiġifieri minn dejjem kienu jinstabu Malta, u madwar għoxrin li huma ‘endemiċi’, jiġifieri ma jikbru mkien aktar fid-dinja.

L-aktar pjanta endemika magħrufa hija Widnet il-Baħar, il-pjanta nazzjonali ta’ Malta.  Il-pjanti selvaġġi huma importanti ħafna għax il-ħxejjex ikkultivati kollha li nieklu, bħall-kaboċċi, l-ispinaċi, il-patata u l-basal, huma ġejjin minnhom.  Ħafna speċi għandhom ukoll valur mediċinali.

Il-pjanti li nsibu fil-gżejjer Maltin jiffurmaw parti minn ċiklu marbut mat-temp u l-klima Mediterranja.  Is-sajf hu żmien diffiċli minħabba n-nuqqas ta’ ilma.  Ħafna pjanti li naraw matul ix-xitwa u r-rebbiegħa jmutu fis-sajf, imma jħallu warajhom iż-żerriegħa li malli terġa’ tibda tagħmel ix-xita jibdew ċiklu ġdid.  Oħrajn, bħan-narċis u ż-żagħfran salvaġġ, ma jmutux għalkollox għax iħallu warajhom basal, tuberi jew riżomi li malli jħossu x-xita jibdew inebbtu u jikbru, ħafna minn dawn jagħmlu l-fjuri fil-ħarifa, ftit wara l-ewwel xita tal-istaġun.

Hemm pjanti, bħas-sagħtar, li huma addattati biex jibqgħu ħajjin anke matul is-sajf.  Ħafna minnhom għandhom weraq żgħar li ħafna drabi jkun miksi b’materjal qisu xemgħa.  Dan il-materjal jipprova ma jħallix ilma jintilef mill-weraq.


Qabel ma tibda dieħla x-xitwa nkunu nistgħu nilmħu varjetà ta’ pjanti, fosthom in-narċis u l-ġarġir, kif ukoll il-lellux li lkoll huma parti mill-ambjent naturali Malti