21/03/2016

Inżul ix-Xemx (Komponiment)

Andrew Spiteri - Klassi 5.1 - 2015/16



Ħmuret is-smewwiet tixgħel id-dinja b’dawl ikkulurit. Inżul ix-xemx aħna nsejħulu, però din it-tema, dan l-episodju, x’joffri għalina l-bnedmin? X’effett tħalli fuqna din il-ġibda ta’ żmien qasir? U xi jfisser għal dawk li jħarsu lejh minn lenti differenti, li minnha jgħaddu raġġi t’importanza bil-wisq mhux ftit? Mistoqsijiet interessanti u ta’ min jagħtihom ftit tal-ħsieb; huma ftit dawk in-nies li qatt għaddewlhom mill-passaġġi ta’ moħħhom, li ħafna drabi jkunu mimlijin b’affarijiet ta’ importanza żgħira jew li lanqas biss suppost qegħdin jiġru hemm.

Għal xi l-ħamsa ta’ wara nofsinhar, ix-xemx tibda triqitha ’l isfel, tinżel bil-mod il-mod, tistaħba ftit ftit wara l-orizzont; dik ix-xena fil-bogħod tal-bogħod, sakemm il-ballun tan-nar jegħreq u jgħib għalkollox bħal qisu qatt ma kien hemm. It-tmiem, il-bidu, dan x’inhuwa? Dan il-ħin iġorr miegħu tmiem ta’ kapitlu, biex l-għada ndawru l-paġna u nibdew kapitlu ġdid. Iġib miegħu l-lejl tant mistenni, minn xi wħud aktar minn oħrajn, wara ġurnata ta’ xogħol u anke forsi tbatija.

Fis-soċjetà jeżistu nies b’passatempi differenti bħal pitturi, awturi u poeti. Għall-awtur u l-poeta dan l-episodju huwa mument ta’ skiet, fejn huwa jidħol fih innifsu u jirrifletti biex lilu l-ispirazzjoni tiġi sabiex jagħmel xi biċċa xogħol kif jaf hu. Il-pittur, f’dan il-waqt, jisraq kull dettall tax-xena; kuluri, riflessi u aktar minn hekk sabiex tiegħu tkun l-isbaħ pittura, b’sens profond. Xi wħud, b’ġurnata mimlija ġenn, dan il-mument rilassanti, inżul ix-xemx, ikunu tant ħerqana għalih. Inissel fihom dawl ta’ rilassament u kalma.

Għal dawk b’qalbhom miksura, l-aħħar raġġi tax-xemx iħarsu lejhom bħala raġġi ta’ tama li għada se tkun ġurnata aqwa mil-lum. Ċertu nies iħarsu lejn inżul ix-xemx b’biżà għax iqabbluh mal-aħħar nifsijiet ta’ bniedem sabiex fl-aħħar imut. Imbagħad hemm dawk li nżul ix-xemx ma jkunux iriduh iseħħ, għax bejn sema u ilma jkunu jinsabu u wara dan il-ħin, ħsibijiet ta’ x’jista’ jiġrilhom fuq il-baħar jobrom jgħaddulhom minn ġo moħħhom.

Is-sitta daqqu, issa. Ix-xemx niżlet u d-dinja siktet. Jien ġejt fuq din l-għolja, mhux tant ′il bogħod minn dari, u ħarist lejn ħmuret ix-xemx. F’dawn il-mumenti jien irriflettejt u din is-silta jien ktibt għax ħassejt li nżul ix-xemx huwa wieħed minn dawk l-affarijiet, li aħna rari naħsbu dwar is-simboliżmu u l-importanza tiegħu. Min jaf kemm nies iħarsu lejn dan ix-xenarju, kważi kważi immaġinarju, b’ tifsira u bi ħsieb differenti madwar id-dinja?