Minn Chris Frendo - 3.1 - Sena Skolastika 2013/14
Kien is-Sibt filgħodu u ddeċidejt li mmur dawra bil-karozza. Wara ġimgħa xogħol kien ħaqqni ġurnata ta’ mistrieħ. Lestejt flixkun ilma u żewġ frottiet u qbadt it-triq lejn ir-Rabat.
Ħadt gost insuq fi Triq is-Saqqajja qalb id-dellijiet tas-siġar għoljin taċ-Ċipress. Xħin wasalt ir-Rabat, qbadt it-triq lejn il-Buskett. L-arja nadifa u l-ħdura tal-għelieqi tawni nifs ġdid. Wasalt ħdejn il-Palazz tal-President, il-Palazz Verdala, waqqaft il-karozza biex nagħti titwila u mmattar ftit saqajja. Komplejt bid-dawra u bqajt insuq għal ġol-Buskett. Man-nifs stajt inxomm ir-riħa tal-Ħarrub frisk wara l-ewwel xita. Rajt ukoll il-kwantità kbira ta’ siġar li jinsabu mħawla f’dawn il-ġonna. Iggustajt il-pitirrossi jtiru minn siġra għal oħra, u l-ammont kbir ta’ sturnell.
Fit-triq ilmaħt il-Palazz tal-Prim Ministru, li jinsab biswit il-Madonna tal-Girgenti. Għaddejt ukoll minn ħdejn is-Salib tal-Għolja. Minn hemm bqajt sejjer lejn l-irdum ta’ Ħad-Dingli fejn tgħaxxaqt bil-veduta tal-baħar. Hawnhekk ftakart f’meta kont għadni tfajjel u tajjart l-ewwel ajruplan fuq dawn l-irdumijiet.
Ftit ‘il bogħod rajt ħanut u mort nieħu kafè. Fuq il-mejda ta’ maġenbi rajt lill-attur favorit tiegħi, Benedict Chumberbatch. Bejni u bejn ruħi bdejt naħseb, ‘’Imma possibbli dan tassew hu?’’ u bqajt inħares lejh. Fil-pront narah jitbissimli u jien sellimitlu. Mingħajr ma naf kif, qomt, ersaqt lejh, ħadtlu b’idejh u għedtlu, “Hello Sherlock!” Bi tbissima fuq wiċċu, beda jgħidli l-istorja ta’ ħajti (iva ta’ ħajti, għax hu ħadem il parti ta’ Sherlock Holmes, u billi fil-film hu ‘detective’ tajjeb ħafna, huwa kapaċi jgħidlek l-istorja ta’ ħajtek billi jħares lejk. Imma dak il-ħin kien qed jivvinta biex ikompli miegħi għax jien għedtlu “Hello Sherlock” u b’hekk beda jagħmel il-parti ta’ Sherlock) u nfqajna nidħku t-tnejn, bqajna nitkellmu għal ftit ħin mhux ħażin iżda beda jsir il-ħin. Staqsejtu biex jiffirmali fuq id-djarju u hekk għamel. Hekk kif kien sejjer għedtlu, “Give my regards to John Watson.” u hu qalli, “Will do.”
Fi triqti lura lejn id-dar bqajt naħseb bl-isbuħija tal-kampanja Maltija, iżda l-qofol ta’ kollox kienet il-laqgħa ma’ Benedict Chumberbatch!!