04/06/2013

Il-Ħarsa ta' Rużann



Noti dwar kull kapitlu

(Addattament minn 'Suċċessinu')


  • Mark Antonin jgħid il-ġrajja tiegħu

Ir-rumanzett jiftaħ bil-laqgħa, għall-ewwel darba, bejn Rużann u l-Baruni Mark Antonin, fir-raba’ ta’ Ħad-Dingli (1844). Din it-tfajla raħlija, b’karatteristiċi Mediterranji, b’dawk l-għajnejn tal-għaġeb, mill-ewwel saħħret lill-Baruni. Mark Antonin kien ikun ta’ spiss imsiefer u għalhekk kellu mentalità differenti minn ta’ missieru. Il-Baruni x-xiħ kien baqa’ bil-mentalità ta’ żmien il-fewdu fejn il-bdiewa jaħdmu għas-sid u dan ikompli jistagħna minn fuq daharhom. Iżda iben il-Baruni, Mark Antonin, li kien siefer u dar l-ibliet il-kbar tal-Ewropa, meta ġie lura ġie mibdul. Mark Antonin, li kien għex ir-rivoluzzjonijiet li seħħew f’pajjiżi oħra, għaraf li din is-sistema kienet antikwata u li kienet waslet fi tmiemha. Francis Ebejer jurina l-kuntrast kbir fil-ħsieb bejn il-missier u l-iben. Għalhekk meta miet missieru, Mark Antonin ħataf l-okkażjoni, laqqa’ lill-bdiewa u offrielhom l-art għall-bejgħ. B’hekk huwa tahom l-opportunità li jimxu ’l quddiem u jtejbu l-qagħda tagħhom. Ir-raba’ tahulhom bi ftit flus u b’dan il-mod, mal-mewt tal-Baruni, Mark Antonin qatel is-sistema fewdali. Madanakollu r-reazzjoni tal-bdiewa ma kinitx għalkollox pożittiva. L-iskop ta’ Mark Antonin kien li jipprova jnaqqas l-inġustizzji soċjali, xi ħaġa li spiss kien jaħseb dwarha. U waqt dawn il-ħsibijiet profondi li kien ikollu, spiss kienet titfaċċa Rużann u malajr kien jinsa kollox. Naraw tissensel l-imħabba bejn dawn it-tnejn, imħabba li f’dawn iż-żminijiet, minħabba d-differenza fil-klassijiet soċjali, ma kinitx ser tiġi aċċettata malajr mis-soċjetà.


  • Tagħlaq il-ġrajja ta' Mark Antonin u tiftaħ oħra

L-imħabba bejn il-Baruni Mark Antonin u Rużann wasslet għal tqala barra miż-żwieġ. Għalkemm il-Baruni ried jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dak li għamel, hi, li kienet taf x’kienu se jkunu r-riperkursjonijiet soċjali, qaltlu li kienet ser trabbih weħidha. Hawn tispikka l-mentalità magħluqa tar-raħal żgħir li kienet tgħix fih Rużann għax li kieku żżewġet lill-Baruni kienet tagħmillu ħsara kbira soċjalment. Karmenu, il-frott ta’ din l-imħabba, trabba minn ommu u meta kiber iżżewweġ lil Lurenz, u kellu bosta tfal. Barra minn hekk, Karmenu kien ukoll il-werriet tal-Ħarsa ta’ Rużann, ħarsa li kienet se tipproteġih u tiggwidah tul ħajtu kollha, lilu u lill-ġenerazzjonijiet ta’ wara.


  • Leħħa ta' ħarsitha - Il-ħarsa f'għajnejn Karmenu


Il-familja ta’ Karmenu spiċċat vittma tal-ħallelin ta’ Xuxana u ħafna mill-annimali sfaw meqruda. Tal-għassa ġew xħin waslilhom ir-rapport iżda ma tantx ħadu l-affarijiet bis-serjetà. Fil-fatt wieħed mill-għassiesa qal lil Karmenu biex jinsa kollox u li l-Bambin kien se jieqaf miegħu. Dan juri biċ-ċar li l-awtoritajiet ma kellhomx kontroll ta’ din il-banda kriminali; bilkemm ma kinux qed ixekklu l-id tal-ġustizzja stess u jinċentivaw lill-kriminali!

Barra minn hekk nindunaw ukoll li l-Barunijiet kienu hemm biss għall-kiri tal-għelieqi u ma kinux jerfgħu jdejhom biex jipproteġu lill-bdiewa tagħhom. Iżda mill-banda l-oħra l-ġirien u l-qraba, speċjalment Ġannikol tal-Pastizzi, għamlu dak kollu possibbli biex jgħinuhom. F’dawn il-mumenti ta’ prova Karmenu dejjem kien jisma’ leħen jagħmillu l-kuraġġ u jgħidlu li kollox kien se jispiċċa b’wiċċ il-ġid. U proprju dak il-ħin irrealizza (bis-saħħa ta’ Rużann) li wliedu għandhom jitgħallmu l-iskola. It-tifla l-kbira, Marija, li ma riditx taf bi skola sabet xortiha mod ieħor għax daħlet taħdem mal-Baruni (ħu ż-żgħir nett tal-baruni Mark Antonin) u mill-ewwel ħa grazzja magħha għax kellha l-ħarsa ta’ missierha, u wara kollox ta’ ħuh. Bħalu kienet bieżla.
Hawn naraw ħsieb avangardist. Dan l-istess ħsieb japplika għal Malta kollha, mhux għall-familja ta’ Karmenu biss, għax biex pajjiżna seta’ jeħles mill-jasar tal-injoranza u tal-kolonjaliżmu, iċ-ċittadini riedu jedukaw ruħhom biex ikunu kapaċi jfendu għal rashom. B’hekk, sa fl-aħħar, ikunu indipendenti, ħielsa u rajhom f’idejhom, xi ħaġa li ma kinitx se ssir mil-lejl għan-nhar iżda riedet ġenerazzjonijiet sħaħ.



  • Leħħa ta' ħarsitha - Il-ħarsa f'għajnejn Marija

Marija baqgħet taħdem mal-Baruni sakemm fl-aħħar Wenzu, li kien ibigħ il-ħaxix fl-inħawi fejn kien joqgħod il-Baruni, tilef għajnu warajha u tgħarras magħha. Il-Baruni ħa qatgħa kbira li Marija, waħda mis-servi favoriti tiegħu, kienet ser titilqu ħabta u sabta, iżda fl-aħħar aċċetta din ir-realtà. Il-familjari u l-kappillan ukoll għamlu reżistenza iżda wara li niżżilha f’bir vojt kulħadd aċċetta. Dan l-episodju jġegħelna nirrealizzaw li, għalkemm minn żmien il-Baruni Mark Antonin kien sar progress fil-familji Maltin, xorta waħda nistgħu ninnutaw l-indħil meta l-ulied kienu jaslu biex jiżżewġu. Dan kollu jindika li s-soċjetà Maltija kellha aktar x’taqdef biex tegħleb dan kollu u biex dan seta’ jseħħ kien hemm bżonn aktar edukazzjoni u żmien. Naraw ukoll li maż-żmien Wenzu reħa x-xogħol tal-ħaxix u fetaħ ħanut tal-inbid li spiss kienet issir xi praspura fih. Marija, iggwidata mill-ħarsa ta’ Rużann, kienet tmexxi lil żewġha u spiss kienet teħilsu minn xi bawxata. Barra minn hekk ordnat lil Wenzu biex il-flus jintefqu biex l-ulied jitgħallmu l-iskola għax kienet tgħid li: “irridhom jimxu ’l quddiem u mhux joqogħdu jinħlew wara l-Buweri u r-razza u r-radika”. Hi, bid-direzzjoni ta’ Rużann, għarfet li l-edukazzjoni hi l-aqwa arma, mhux biss kontra l-injoranza imma wkoll kontra l-ħakkiema. U fil-fatt il-ħarsa tagħha (li kienet ta’ Rużann ukoll) u l-ideat progressivi li kellha għaddiethom kollha lil Pietru li kompla t-tradizzjoni tar-razza. B’hekk id-dixxendenti tal-Baruni Mark Antonin u Rużann isiru aktar emanċipati.


  • Leħħa ta' ħarsitha - Il-ħarsa f'għajnejn Pietru


Din is-sezzjoni tiftaħ b’xenarju tal-Ewwel Gwerra Dinjija u b’Pietru josserva dak kollu li qed jiġri sakemm tiġi Salvina. Pietru, illum ġuvnott li laħaq għalliem, beda joħroġ ma’ Salvina, għalliema minn Ħal Lija, u bis-saħħa tal-ħarsa ta’ Rużann, minn mindu tfal, fl-għalqa tal-Buskett, Pietru kien immarka li din ix-xbejba bl-għazza kannella fuq għonqha, għandha tkun iddestinata bħala martu. U hekk kien. Iżżewġitu u minnha kellu żewġ ulied fosthom Ġina li kompliet it-tradizzjoni tal-Ħarsa ta’ Rużann.

Hawn Francis Ebejer jurina t-taqlib politiku li kienet għaddejja minnu Malta fosthom l-irvell tal-Maltin u r-reazzjoni tal-Ingliżi kontriehom fis-Sette Giugno tal-1919. Minn diskors Pietru nindunaw li l-Maltin kien jixirqilhom aħjar mill-ħakkiema tagħhom u proprju għalhekk bdew jipprotestaw il-Maltin. Tant tkellem b’passjoni u patrijottiżmu Pietru li martu, biex tiċċajta miegħu, qaltlu: “Ara jagħmlukx Kunsillier, Piet”. Wara li rrifletta fuq il-qagħda soċjopolitika ta’ dak iż-żmien, beda jitkellem ma’ bintu Ġina fejn narawha turih pittura b’mara li stqarritlu li jisimha Rużann. Hawn nistgħu nikkonkludu li għalkemm minn żmien l-istorja ta’ mħabba tal-Baruni Mark Antonin u Rużann kienu għaddew madwar 75 sena, Rużann xorta waħda baqgħet tipproteġi lid-dixxendenti tagħha. Fl-istess waqt ninnutaw id-differenza fl-imġiba tal-Maltin. Fi żmien Rużann kull min kien fil-poter (il-Barunijiet u l-Ingliżi) kien jiġi aċċettat mill-Maltin bla ebda reżistenza. Iżda mis-Sette Giugno ninnotaw li l-Maltin saru aktar progressivi, bdew irawmu ċerti prinċipji demokratiċi u patrijottiċi (Malta l-ewwel u qabel kollox), xi ħaġa li wasslithom biex jipprotestaw. B’hekk naraw li mhux biss id-dixxendenti tal-Baruni għamlu progess iżda Malta kollha. Minkejja dan, xorta kien għad baqa’ x’jaqdfu!



  • Leħħa ta' ħarsitha - Il-ħarsa f'għajnejn Ġina


It-tradizzjoni li kienet qabdet fi tfulitha, dik tat-tpinġija, kompliet tħaddanha meta kibret. Fil-fatt hi kienet tpitter kemm bil-lapes kif ukoll bil-pinzell u kultant kienet tħoss li ħaddieħor qed ipitter minflokha. Fil-pitturi tagħha rrealizzat li kien hemm karatteristiċi komuni Mediterranji, fosthom l-għajnejn ta’ mara partikulari li qatt ma rnexxielha tara wiċċha. Xħin iżżewġet, mill-ewwel romlot iżda minn dan iż-żwieġ xorta kellha l-frott – bint bl-isem ta’ Luċija. Barra l-passatemp tal-arti hija kienet taħdem ħafna fil-qasam soċjali fejn dejjem ipprovat tagħmel il-ġid, u permezz tal-pinzell tippromwovi ideat li jemanċipaw aktar lill-mara fis-soċjetà. Fit-Tieni Gwerra Dinjija ħadmet ħafna biex ittaffi l-inġustizzji soċjali u kompliet taħdem sakemm Malta ħadet il-ħelsien.

Waqt li darba kienet miexja fil-kampanja ta’ Ħad-Dingli semgħet il-ħsejjes tal-antenati tagħha, Mark Antonin u Rużann. Għarfet li minn dawk iż-żminijiet tal-antenati sal-preżent, f’pajjiżna u fiċ-ċittadini Maltin, kien sar kambjament kbir għall-aħjar: seħħu l-ideat progressivi li kellu l-Baruni Mark Antonin u ta’ maħbubtu Rużann. Dawn l-ideat se jkomplu minn ġenerazzjoni għal oħra taħt il-protezzjoni t’għajnejha!