Noti meħudin minn Suċċessinu 2, b'adattament ta' xi biċċiet.
Refuġjata
Refuġjata hija persuna maħruba minn pajjiżha li ssib kenn f’pajjiż ieħor. Din il-poeżija tittratta fuq ix-xewqat ta’ mara refuġjata għal ħajja aħjar. Wara kollox, min ma jixtiqx li jkollu ħajtu mimlija hena u kuntentizza, mingħajr inkwiet? Din “il-mara tat-tined” (ir-refuġjata) tiftakar fl-imwiet ta’ wliedha “jgħajtu f’rasha”. Tiftakar ukoll fl-interrogatorji, it-terturi, il-massakri (“toqba f’ras il-mejtin”) ġewwa Jenin, Hebron u Kafir, li huma territorji tal-Palestina, u li qed isiru minħabba l-kwistjoni ta’ dawn il-postijiet fil-Lvant Nofsani. Minkejja dan id-disprament, id-dulur u diqa li jridu ħafna żmien biex jittaffew, il-mara refuġjata tiftakar fil-maħbub tagħha Samir, u turi t-tama li għad jaslu żminijiet aħjar (“eklissati”) ta’ “siġar taż-żebbuġ u ważi” biex tkun tista’ tħobbu bil-kwiet. Din il-poeżija moderna hija deskrittiva, riflessiva u espożitorja (turi minn xiex jgħaddu n-nies). Il-poeta qed jipprova jqajjem kuxjenza fuq il-problemi li jaffaċċjaw ir-refuġjati, speċjalment minħabba inkwiet f’arthom. Permezz tal-kliem “torturi”, “massakri”, “dulur”, nindunaw li huma sitwazzjonijiet xejn sbieħ, pjuttost iddisprati, u għalhekk nistgħu ngħidu li t-ton huwa wieħed ta’ diqa. Fl-istess ħin, permezz tal-kliem “toħlom”, “tittama”, “tħobb”, naraw li ħafna refuġjati ħa jsibu futur aħjar f’pajjiżi oħra kbar u b’saħħithom.
Lill-Qamar Kwinta
Il-poetessa qiegħda tindirizza lill-qamar u tiddjaloga miegħu. Hija tgħidlu li taf li hu fqajjar, l-ewwel nett għax fuqu m’hemmx ħajja u t-tieni nett għax id-dawl tal-qamar huwa kollu riflessjoni tax-xemx, li hija “ħlieqa aktar setgħana”. Issa li l-poetessa taf il-verità kollha fuq il-qamar u ma baqgħalha “l-ebda illużjoni”, tistqarr li m’għadux isaħħarha bħal darba u għalhekk m’għadux iħuf “fid-dawl tal-fantasija” tagħha.
Passaġġi
Il-poeta qed jikkummenta u jirrifletti fuq il-passaġġi tal-ħajja. Il-passaġġi, f’din il-poeżija, huma simboliżmu għal dawk it-triqat li kull bniedem ikollu jaqbad f’ħajtu. Kif jistqarr tajjeb il-poeta, minn twelidna nibdew insegwu t-triq tad-destin tagħna. Kultant jissorprendina għax jitfaċċa xi passaġġ “bla ma taf kif”, kultant ikiddna għax niltaqgħu mat-taħbit u “toħroġ minnhom kollok grif”, kultant nistinkaw u nilħqu l-għanijiet bl-aktar mod fiduċjuż, iżda drabi oħra noħorġu wkoll “diżilluż[i]”. Il-poeta jispiċċa billi jgħidilna illi minkejja li hemm triqat li f’ħajjitna jingħalqu, hemm triqat oħrajn li jwassluna biex nemmnu f’Alla li ma jingħalaq qatt għax huwa “infinit”.
Quo Vadis?
Bit-titlu li jfisser “Fejn sejjer?”, il-poeta, li huwa ssimbolizzat mix-“xwejħa ħarruba”, iħoss solitudni kbira għax huwa maqtugħ mill-kumplament tan-nies: “imbiegħda mill-bqija ta’ ħutha”. Fl-istess ħin jirrifletti fuq il-ħajja tal-bniedem, li kif jaraha hu, hija ħajja mgħaġġla mimlija materjaliżmu u konsumiżmu (flus u xiri).
Niftakar
Din l-eleġija awtobijografika hija maqsuma f’żewġ partijiet:
Jien
F’din il-poeżija awtobijografika u riflessiva, Victor Fenech qed jipprova jikxef l-identità tiegħu. Fil-fatt kull strofa tibda bi stqarrija fuq il-“jien” tiegħu b’eċċezzjoni għall-aħħar strofa.
Katrin tal-Imdina
Dwardu Cachia jagħtina rakkont dwar minn xiex kellha tgħaddi Katrin tal-Imdina f’jum wieħed (tiżżewweġ – tormol). Fil-bidu l-poeta jagħtina deskrizzjoni dettaljata taċ-ċeremonja tal-jum tat-tieġ tal-ħakem ma’ Katrina. Kulħadd kien qed jiċċelebra dan il-jum bil-mod tradizzjonali kif kienu jsiru t-tiġijiet Maltin. Wara, b’ton u b’ritmu differenti, il-poeta jagħtina deskrizzjoni tal-wasla tal-għadu, ir-reazzjoni tal-Maltin u l-ġlieda li spiċċat b’rebħa għall-Maltin. Fl-aħħar, jerġa’ jaqleb it-ton u r-ritmu u jagħtina rakkont tar-ritorn tal-Maltin lejn il-Belt bil-ħakem mejjet. Hawn jagħtina deskrizzjoni tar-reazzjoni ta’ Katrin meta qalulha li żewġha kien mejjet.
- L-ewwel biċċa: tirrakkonta ż-żwieġ; magħmula minn ottavi bil-vers senarju; ton ferrieħi u ritmu mexxej.
- It-tieni biċċa: turi l-wasla tal-għadu; magħmula minn kwartini bil-vers ottonarju; ton ta’ tensjoni u ritmu inqas mexxej.
- It-tielet biċċa: tingħata l-aħbar kiefra; magħmula minn kwartini bil-vers senarju; ton ta’ swied il-qalb u ritmu aktar mexxej minn dak tat-tieni parti.
Jum San Valentin
Jum San Valentinu huwa l-jum tal-maħbubin, fejn fid-dinja kollha miljuni ta’ koppji jiċċelebraw dan il-jum bi kliem mill-aktar ħelu u sabiħ. Iżda min jispiċċa tradut mill-maħbub/a tiegħu ma tantx ikollu f’moħħu kliem sabiħ x’jgħidlu/ha lis-sieħeb/a tiegħu/ha. Proprju fuq hekk tittratta din il-poeżija. Naraw il-weġgħa li għandha l-poetessa fuq l-istonku tagħha tant li qed tistenna lill-‘maħbub’ tagħha biex taqla’ minn fuq l-istonku l-frażi li tixraqlu f’dan il-jum: “Ja traditur”. Hi se tfakkru f’kemm-il darba ġiet ‘irreġġata’ (irrifjutata) u fl-għeluq tistiednu biex ikompli mal-burdata tagħha biex b’hekk ikunu jistgħu jikkonfrontaw lil xulxin sal-aħħar:
“u jekk tista’
B'Idejna
L-Innu Malti, bħall-bandiera Maltija, jissimbolizza lil ġensna kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna. Iżda kulħadd huwa kburi b’dan l-innu? Jew għal xi wħud ma jfisser xejn? Il-poeta modern Adrian Grima, permezz ta’ din il-poeżija, ibeżbeż xi ftit lill-Maltin, għax waqt id-daqq tal-Innu Malti bilkemm donnhom ma jimbarazzawx irwieħhom jew ma jkunux jafu kif se jaqbdu jġibu ruħhom!